Bħalissa qed jitqassmu numru ta’ sussidji lill-bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin għas-sena li għaddiet. Dan hekk kif, s’issa, diġà tħallsu ’l fuq minn €12-il miljun f’pagamenti differenti u aktar pagamenti se jibqgħu jinħarġu sa Ġunju li ġej.
B’hekk, l-ammont globali ta’ pagamenti lill-bdiewa u r-raħħala lokali għall-2024 mistenni jlaħħaq kważi €17-il miljun.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, tħabbar ukoll li nfetħu numru ta’ applikazzjonijiet għall-istess bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin biex jagħmlu t-talbiet għall-ħlasijiet dovuti lilhom, minn skemi marbutin mal-art jew mal-annimali, fil-każ tar-raħħala, li jaqgħu taħt il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni għal Malta 2023-2027.
Louisa Formosa, Direttur Ġenerali tal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali, l-ARPA, ħabbret li il-kampanja ta’ applikazzjoni għas-sena 2025 hi miftuħa sat-30 ta’ Mejju.
Hi elenkat li, fost l-iskemi relatati mal-pagamenti, hemm l-Eco-Skemi, il-Basic Income Support for Sustainability, Payment for Small Farmers, Complimentary Income Support for Young Farmers, Coupled Income Support għas-Setturi tal-Ħalib, taċ-Ċanga, Nagħaġ, u Tadam għall-Ipproċessar, Agri-Enviornment-Climate Commitments, u Area with Natural Constraints.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, enfasizza kemm hu importanti li l-Gvern jibqa’ joffri s-sostenn tiegħu lill-bdiewa u r-raħħala permezz ta’ dawn is-sussidji.
“Is-sussidji u l-pagamenti huma importanti ħafna għall-bdiewa u r-raħħala tagħna, għax b’dan il-mod aħna nagħmlu dan is-settur iżjed sostenibbli u reżiljenti. Għaldaqstant bdejna b’din il-kampanja biex inħeġġu lill-bdiewa u r-raħħala tagħna japplikaw biex nagħtuhom il-pagamenti kemm relatati mal-art kif ukoll mal-bhejjem. Minbarra dan, irrid ngħid ukoll li hi importanti li, sal-lum, bħala sussidji tajna diġà lill-bdiewa u r-raħħala tagħna mhux inqas minn €12-il miljun u nistmaw li sal-aħħar tax-xahar li ġej, Ġunju, ħa nkunu tajnihom €5 miljun oħra. B’kollox, €17-il miljun.”
ANTON REFALO