Għall-għaxar sena konsekuttiva, grazzi għall-ħidma bla waqfien u politika għaqlija ta’ Gvernijiet Laburisti, Malta ġiet ikklassifikata fl-ewwel post tal-klassifika annwali ppubblikata mill-ILGA-Europe, li tissorvelja u tqabbel id-drittijiet ċivili tal-persuni LGBTIQ+ f’49 pajjiż madwar l-Ewropa.
Ir-riżultati tal-mappa u l-indiċi annwali ta’ ILGA-Europe jikkonfermaw kif pajjiżna baqa’ mexxej b’saħħtu u eżemplari f’dan il-qasam, ibbażat fuq seba’ indikaturi kruċjali, fosthom: l-ugwaljanza, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, id-drittijiet legali u ċivili, il-politika tal-familja u r-rispett sħiħ lejn id-drittijiet tal-bniedem.
Ir-rapport juri li, minn 49 pajjiż fl-Ewropa, Malta reġa’ rnexxielha tikseb l-ogħla persentaġġ fl-indiċi mill-indikaturi kollha, bi ftit aktar minn tmienja u tmenin fil-mija.
Il-Belġju, li ġie fit-tieni post, jinsab tliet punti perċentwali taħtna.
Fi stqarrija, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, iddeskriviet din il-kisba bħala “xhieda ċara tar-rieda politika soda tal-Gvern” kif ukoll tal-ħidma konsistenti ta’ soċjetà ċivili mpenjata għal ġustizzja soċjali u inklużjoni.
Hi saħqet li, waqt li niċċelebraw dawn il-kisbiet, ma nistgħux nagħlqu għajnejna għal xejriet allarmanti li qed jinqalgħu f’pajjiżi oħrajn Ewropej, fejn ċerti drittijiet qed jiġu mhedda jew imwarrbin.
L-istqarrija kompliet li l-Gvern Malti se jkompli jara l-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet LGBTIQ+ bħala pilastru fundamentali ta’ demokrazija vera u ħielsa.
Għalhekk, jibqa’ jikkollabora b’mod attiv ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ma’ sħab internazzjonali biex jissaħħu dawn il-valuri, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll globali.
Bħala parti minn dan l-impenn, Malta, bil-Presidenza tagħha tal-Kunsill tal-Ewropa, se tkun qed tospita wkoll il-forum u l-laqgħat tal-esperti tal-IDAHOT+ il-ġimgħa d-dieħla.
Dan l-avveniment se jkun pjattaforma importanti biex jiġu diskussi l-isfidi u l-opportunitajiet li qed jiffaċċjaw il-komunitajiet LGBTIQ+ fl-Ewropa kollha.
https://rainbowmap.ilga-europe.org/
