B’reazzjoni diretta għat-talbiet tas-sajjieda tal-lokal, is-Segretarju Parlamentari għall-Akkwakultura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, ħabbret l-installazzjoni ta’ fish hoist ġdid fil-moll tal-Veċċja, f’San Pawl il-Baħar.
Dan se jkun ta’ għajnuna partikolari għal sajjieda b’bastimenti żgħar, li m’għandhomx krejn fuq id-dgħajjes tagħhom u, allura, se jiffaċilita l-ħatt ta’ ħut kbir, bħal tonn u pixxispad.
Dan isegwi investiment u servizzi oħrajn simili, bħal dak f’Marsaxlokk, fejn il-Gvern qed joffri ħatt bla ħlas ta’ tonn permezz ta’ crawling crane modern. Bħalissa hemm sejħa għall-offerti għall-installazzjoni ta’ fish hoist ieħor fil-Marfa.
Inizjattivi simili huma parti integrali mill-Viżjoni Malta 2050, li timmira wkoll li s-settur tas-sajd ikun iżjed sostenibbli.
