Permezz ta’ skema mħabbra riċentament, dawk li xtraw jew għadhom se jixtru proprjetà, li hi ambjentalment sostenibbli, jistgħu jgawdu minn għotja sa massimu ta’ disat elef ewro.
Din l-iskema hi fost sensiela ta’ miżuri meħuda biex togħla l-kwalità tal-bini f’pajjiżna biex, fost l-oħrajn, ikun aktar effiċjenti fil-konsum tal-enerġija.
Aktar dwar dan tkellimna mal-Perit Matthew Degiorgio, li hu Kap Uffiċjali fi ħdan l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, li qed tamministra din l-iskema.
Degiorgio spjegalna xi jfisser meta jingħad li proprjetà hi ambjentalment sostenibbli.
“Meta ngħidu binja sostenibbli b’mod ambjentali qegħdin ngħidu li l-binja tkun ħafna drabi iżjed komda biex tgħix fiha, binja li ħa tkun ‘insulated’ u b’hekk ma tisħonx iżżejjed fis-sajf, ma tkunx kiesħa ħafna fix-xitwa. Ovvjament, imbagħad, għandek il-benefiċċju li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jiġu inqas għax tuża inqas enerġija.”
Il-Perit Matthew Degiorgio, BCA
Għaldaqstant din l-iskema qed tinċentiva dan it-tip ta’ bini u taqsam l-għotjiet mogħtija fuq perjodu ta’ tliet snin fuq żewġ livelli.
Il-massimu, jiġifieri tlett elef ewro fis-sena għal tliet snin, se jingħataw lil dawk il-binijiet li jkunu kkundisrati bħala ‘net zero’.
“Ifisser li l-binja trid tiġġenera iżjed enerġija jew daqskemm tikkonsma. Biex inkunu nafu kemm qegħda tuża enerġija nużaw l-‘Energy Performance Certificate’, li hu ċertifikat tal-andament fl-enerġija li dan ħafna drabi jsir meta proprjetà tinbiegħ.”
Il-Perit Matthew Degiorgio, BCA
Binjiet, li ma jikkwalifikawx għal din l-għotja, jistgħu jibbenefikaw għal għotja ta’ elf u ħames mitt ewro kull sena għal total ta’ erbat elef u ħames mitt ewro.
“F’dan il-livell irid jintlaħaq 20% aħjar minn dak li hu rikjest bil-liġi. Il-binjiet kollha f’Malta jridu jilħqu ċertu livell u din il-binja trid tkun 20% aħjar minn hekk u tkun eliġibbli.”
Il-Perit Matthew Degiorgio, BCA
Degiorgio spjega li, biex binja tikkwalifika għal din l-iskema, għandu jiġi ppreżentat ċertifikat tal-enerġija li jkun sar wara li nbniet il-binja jew, kif inhu magħruf aħjar, bħala ‘asset-based’.
Biex wieħed japplika għal din l-għotja għandu jippreżenta dan iċ-ċertifikat, li jsir mill-bejjiegħ u li għandu jiġi ppreżentat flimkien mal-kuntratt tal-bejgħ u mhux il-konvenju, flimkien mad-dettalji tal-applikant fuq is-sit bca.gov.mt.