Bħalissa għaddej xogħol kbir ta’ restawr u titjib fuq il-Victoria Lines biex din it-trail, li tibda minn Fomm ir-Riħ u taqsam lil Malta sa Pembroke, issir l-ewwel trail nazzjonali.
Il-Ministru responsabbli mill-ambjent, Miriam Dalli, sostniet li din il-ħidma hi importanti, għax tippermetti li l-ġenerazzjonijiet tal-lum u t’għada jgawdu mill-wirt ambjentali u storiku ta’ pajjiżna.

Fl-2022, saru interventi mmirati biex jinfetħu partijiet mill-mogħdija u titjieb l-aċċessibilità tul ir-rotta tal-Victoria Lines. Dawn ix-xogħlijiet jinkludu tindif, installazzjoni ta’ sinjali u tqegħid ta’ bankijiet għall-pikniks għall-kumdità tal-viżitaturi.
Qed jitneħħew ukoll speċi aljeni invażivi biex tinżamm l-ekosistema lokali. Spezzjonijiet u interventi ta’ manutenzjoni kull ġimgħa se jaraw li din it-trail tinżamm mingħajr skart u perikli.
