F’Longvillers, fil-limiti ta’ Pariġi, bejn is-Sibt u l-Ħadd li għadda, ġie organizzat turnew tal-polo internazzjonali bejn seba’ timijiet ġewwa l-klabb ta’ La Mariana. Malta pparteċipat b’żewġ timijiet b’wieħed minnhom li ħareġ rebbieħ filwaqt li l-ieħor rnexxielu jirbaħ tlieta minn erba’ logħbiet.
Din il-parteċipazzjoni kienet possibbli grazzi għas-sostenn finanzjarju ta’ EquestriMalta, li bħala awtorità dejjem kienet ta’ għajnuna għal dan l-isport sa minn mindu ġiet mwaqqfa kważi erba’ snin ilu. Din il-mawra kienet tinkludi wkoll kamp sportiv mifrux fuq tlett ijiem, fejn il-plejers Maltin kellhom ċans jilagħbu u jitħarrġu fuq grawnds tal-ħaxix, biż-żwiemel mhux tagħhom, taħt il-gwida ta’ Mariano Lopez — plejer professjonali li rebaħ bosta suċċessi u huwa magħruf sew f’dan is-settur.
It-timijiet Maltin kienu komposti kif ġej.
It-tim rebbieħ (Malta Polo Club): Petra Vella, Becky Gera, Ivan Camilleri u Mariano Lopez.
Tim EquestriMalta: Greg Gera, Bradley Farrugia, Jeremy Besancon u Vivien Marchal.

Jakkumpanja l-iskwadri Maltin kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta, Max Zammit, li f’kumment qasir stqarr kemm hu kburi bit-titjib fil-livell li qed juru l-plejers Maltin sena wara l-oħra fl-isport tal-polo. Huwa enfasizza wkoll l-importanza ta’ kampijiet sportivi bħal dawn, li huma ffukati fuq l-abbiltà teknika u l-istrateġija bħala tim, filwaqt li tingħata attenzjoni individwali wkoll lil kull plejer.
Żied jgħid li EquestriMalta hija kommessa li tkompli toffri u ssostni opportunitajiet bħal dawn u oħrajn futuri li jkomplu jagħmlu ġieħ lil Malta u lil dan l-isport.
Jeremy Besancon, il-moħħ wara din il-mawra u l-plejer Malti li tul is-snin bena din ir-relazzjoni mal-klabb, filwaqt li rringrazzja lil EquestriMalta tas-sapport finanzjarju, stqarr li jinsab sodisfatt ħafna bil-prestazzjonijiet u kemm dan il-kamp sportiv serva ta’ ġid għall-plejers preżenti.
Hu esprima wkoll il-ferħ tiegħu li tim Malti rebaħ it-turnew, iżda kien aktar kuntent li fit-tim rebbieħ kien hemm il-parteċipazzjoni ta’ żewġ nisa Maltin — eżempju ta’ kif dan l-isport mhux biss qed jattira nisa ġodda, iżda wkoll qed juri titjib kbir fil-livell tagħhom. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-plejers avversarji li diġà kienu familjari mal-plejers Maltin u raw it-titjib sinifikanti.
Besancon fakkar ukoll li l-iżgħar plejer tat-turnew kien il-Malti ta’ 17-il sena Bradley Farrugia, li impressjona mhux ftit u kkomplementa l-prestazzjonijiet eċċellenti tal-Maltin kollha f’dan it-turnew.
