Id-Dekan tal-Fakultà tal-Istorja tal-Arti fl-Università ta’ Malta, Keith Sciberras laqa b’entużjażmu l-aħbar li l-Ministeru għal Għawdex xtara pittura oriġinali tal-pittur Mattia Preti. Dan bħala parti mit-tħejjijiet biex il-gżira Għawdxija jkollha Mużew Nazzjonali tal-ogħla livell għaddejjin sew.
Il-pittura kienet għall-irkant u nxtrat bi prezz li jaqbeż it-€390,000. Prezz li kien hawn min ikkummenta kif mhux wieħed irħis, iżda l-esperti jaħsbuha differenti. L-espert fix-xogħol ta’ Mattia Preti tkellem mal-gazzetta KullĦadd ippubblikata lbieraħ u stqarr li l-valur jirrifletti l-kwalità tal-kwadru u jistħoqqlu jkun fil-Mużew Nazzjonali t’Għawdex. Primarjament għaliex huwa kwadru awtografu.
“Meta ngħidu kwadru awtografu jfisser li l-kwadru jkun impitter kollu mill-artist, jiġifieri dan il-kwadru huwa mpitter kollu kemm hu minn Mattia Preti. Barra minn hekk huwa kwadru li għandu inventiva u narattiva b’saħħitha ħafna. Huwa kwadru frisk, għandu ċerta virtwożità u huwa kwadru li għadu f’kundizzjoni tajba ħafna,” spjega Keith Sciberras li laqa’ b’mod pożittiv ix-xiri ta’ pittura, waħda mill-kapulavuri ta’ Preti.
Keith Sciberras elenka fuq l-elementi li jirriflettu l-prezz li bih inxtrat il-pittura.
“Għandna kwadru meraviljuż b’seba’ u tmien figuri. Għaldaqstant anke minħabba s-saħħa tiegħu u l-kompożizzjoni tiegħu huwa kwadru importanti u kwadri importanti jiswew ħafna flus. Jiġifieri wieħed ma jistax iqabbel prezz ta’ kwadru ma’ ieħor mingħajr ma jara kemm huwa importanti, b’saħħtu u sinifikattiv. Għalhekk il-valur tiegħu huwa tajjeb.”
Sciberras huwa espert fix-xogħlijiet ta’ Mattia Preti u mill-esperjenza li għandu faċilment jinnota d-differenza bejn ix-xogħlijiet tal-pittur li jkunu oriġinali u xogħlijiet li ma jkunux. Fil-każ ta’ Preti, ħafna drabi d-differenza tkun riflessa fil-prezz.
“Kwadru li ma jkunx kompletament awtografu, il-prezz tiegħu ħa jkun baxx, u kwadru kompletament awtografu u għandu ammont kbir ta’ figuri allura l-prezz tiegħu se jkun għoli.”
B’hekk dak mixtri mill-Ministeru għal Għawdex huwa ta’ livell għoli.
X’turi l-pittura?
Il-pittura tmur lura għas-seklu 17 u turi lill-profeta Daniel jinterpreta l-ħolma tar-Re Nebuchadnezzar.
Tesebixxi t-teknika tal-mod kif kien ipitter Mattia Preti u tesponi l-perjodu meta Preti kien qed jiffamiljarizza mat-teknika tal-pittur Caravaggio. Evidenti fil-kuluri vibranti tal-ħwejjeġ ta’ Daniel u tar-re. Il-pittura li hija taż-żejt fuq it-tila b’tul ta’ 153 ċentimeru u wisgħa ta’ 196 ċentimetru, tpittret hawn Malta u tirrifletti l-aqwa żmien ta’ Mattia Preti.
Pittura li Keith Sciberras raha fiċ-ċentru ta’ esebizzjonijiet ta’ prestiġju li saru barra minn pajjiżna.
“Dan il-kwadru kont esponejtu f’esebizzjoni li konna għamilna ġewwa Turin tliet snin ilu. Ħdejn kwadri oħrajn dejjem żamm is-saħħa tiegħu.”
Il-Professur Sciberras qal li huwa ta’ prestiġju li l-Mużew Nazzjonali t’Għawdex se jkollu pittura ta’ Mattia Preti. Partikolarment għaliex il-pittur innfisu qatta’ xi żmien fil-gżira Għawdxija u warajh ħalla xogħlijiet li għadhom ammirati sal-lum il-ġurnata.
“Għalkemm milli jidher il-kwadru m’għandux jew inkella ma jidhirx li għandu assoċjazzjoni diretta m’Għawdex, Mattia Preti għandu assoċjazzjoni diretta m’Għawdex u għalhekk il-Muzew Nazzjonali t’Għawdex għandu jkollu rappreżentanza qawwija ta’ dan l-artist.”
Bħalsa storiku tal-istorja tal-arti kemm fil-kamp lokali u internazzjonali, id-Dekan tal-Fakultà tal-Istorja tal-Arti Keith Sciberras tenna s-sodisfazzjon li l-Mużew Nazzjonali t’Għawdex se jkollu pittura ta’ valur.
“Wieħed għandu jifraħ li kwadri importanti jinxtraw għall-kollezzjonijiet pubbliċi Maltin,” temm jgħid Keith Sciberras.