B’investiment ta’ €2.7 miljun, fis-Swatar, għaddej xogħol estensiv biex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl, fejn qed jiġu installati madwar għaxar kilometri ta’ cables taħt l-art b’vultaġġ medju, li se jgħaqqdu l-estensjoni l-ġdida tas-substation DC fl-Imsida ma’ oħrajn fil-lokalitajiet ta’ Birkirkara, l-Imsida stess u Santa Venera.
Il-Ministru responsabbli mill-enerġija, Miriam Dalli, u ċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Enemalta, l-Inġinier Ryan Fava, żaru s-sit tal-proġett fis-Swatar.
Dawn ix-xogħlijiet iżidu l-konnettività fis-sistema tad-distribuzzjoni, fejn, filwaqt li jsaħħu r-reżiljenza, iżidu wkoll il-flessibbiltà fin-network nazzjonali biex, f’każ ta’ ħsarat, it-tekniċi tal-Enemalta jkunu jistgħu jerġgħu jipprovdu s-servizz lill-klijenti fl-inqas ħin possibbli.
Il-Ministru Dalli spjegat li dan il-proġett hu parti minn programm usa’ ta’ modernizzazzjoni tas-sistema, b’xogħlijiet simili li diġà għaddejjin jew ippjanati madwar Malta u Għawdex u investiment dirett fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Il-Ministru faħħret il-koperazzjoni bejn il-kunsilli lokali, ir-residenti u l-ħaddiema fuq il-post, li kollha kellhom sehem importanti biex ix-xogħol jitwettaq b’mod effiċjenti u bl-inqas inkonvenjent possibbli għall-pubbliku.
“Qed naraw li niffukaw fuq lokalitajiet differenti ħalli nibqgħu għaddejjin bix-xogħlijiet biex insaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku u x-xogħlijiet li qed nagħmlu fis-Swatar jiżdiedu max-xogħlijiet fejn il-pjan oriġinali li namlu 62km ta’ cables madwar il-pajjiż u dak it-target irridu nilħquh u naqbżuh.”
Il-Ministru Miriam Dalli

L-Inġinier Fava qal li dan il-proġett, li qed jitwettaq ukoll b’fondi Ewropej, jirrifletti l-impenn kontinwu tal-kumpanija biex toffri servizz ta’ livell għoli għaż-żminijiet tal-lum.
“Dan ix-xogħol tellaqnih miċ-Ċentru tal-Estenzjoni fejn qed naħdmu, iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni fl-Imsida, fejn inkunu qed ngħaqqdu numru ta’ sub stations, biex insaħħu l-area tal-madwar, kemm tas-Swatar, Santa Venera u anke Birkirkara, biex ir-residenti tal-madwar ikunu moqdija aħjar.”
Ryan Fava, Chairperson Eżekuttiv, Enemalta