Bla tlaqliq, il-Qorti tqis li x-xhieda tal-Irlandiż Jeremy Harbinson, bħala l-espert ewlieni fl-inkjesta tal-isptarijiet, hi meħtieġa b’mod indispensabbli. Dan ġie ddikjarat it-Tnejn filgħodu mill-Maġistrat Rachel Montebello, f’digriet li tat b’rabta max-xhieda tal-istess Harbinson.
Il-Maġistrat qalet li Harbinson hu l-awtur prinċipali tar-rapport li, fuq il-bażi tiegħu, inħarġu akkużi fil-konfront ta’ numru ta’ persuni, iżda żiedet li, minkejja dan, il-prospett li dan jiġi Malta biex jixhed volontarjament hu prattikament ineżistenti.
Irrimarkat ukoll li Harbinson baqa’ m’osservax l-ordni mogħtija mill-Qorti f’Jannar li għadda biex jippreżenta dokumenti li jsostnu l-argumenti tiegħu li impossibbli jivvjaġġa lejn Malta.
Il-Maġistrat Montebello qalet li hu fl-interess mhux biss tal-akkużati, iżda wkoll tas-soċjetà li l-proċeduri kriminali jiġu riżolti bl-aktar mod effikaċi u effiċjenti. Dan l-interess ikun imminat serjament f’każ li l-proċeduri ma jkunux jistgħu jinbdew jew ikomplu minħabba li xi xhud ma jkunx disponibbli jew jirrifjuta li jkun preżenti biex jixhed direttament quddiem il-Qorti.
F’ċirkostanzi li Harbinson mhuwiex dispost li jivvjaġġja lejn Malta, il-Qorti hi fid-dmir li tagħmel dak kollu possibbli biex tassigura li x-xhud jixhed fil-preżenza tal-akkużati.
Il-Magistrat żiedet li, f’dan l-istadju, jidher li l-uniku triq vijabbli u realistika biex Harbinson jinġieb jixhed mill-aktar fis u biex jiġi evitat dewmien żejjed fil-proċeduri hi dik tal-eżekuzzjoni tal-ittri rogatorji.
B’dan il-mod, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti fir-Renju Unit jintalbu jagħmlu l-arranġamenti neċessarji biex Harbinson jinġieb quddiemhom jixhed b’kollegament awdjo-viżiv dirett mal-Qorti f’Malta.
Il-Maġistrat irrikonoxxiet li l-ittri rogatorji huma miżura straordinarja u eċċezzjoni għar-regola stipulata li kull xhud għandu jiġi eżaminat “fil-qorti u viva voce”. Iżda, fil-fehma tal-Qorti, ix-xhieda ta’ Harbinson bil-mezz ta’ rogatorja u kollegament awdjo-viżwali, ma timminax il-pożizzjoni u ma toħloqx xi żvantaġġ tad-difiża.
Fuq din il-bażi, il-Magistrat Montebello ordnat li l-ittra rogatorja għall-għajnuna legali tintbagħat mill-Avukat Ġenerali lill-awtoritajiet kompetenti fir-Renju Unit.