Tħabbret skema ġdida li se tkun qed tgħin lil għaqdiet volontarji u kunsilli lokali u reġjonali, li preżentament ma jikkwalifikawx għall-fondi tal-Unjoni Ewropea taħt il-programm ‘LEADER’.
Din l-iskema, imsejħa Community Support Scheme, se tkun qed tgħin aktar minn 900 għaqda volontarja, li joperaw f’waħda minn 19-il lokalità, biex jiksbu fondi għal proġetti jew inizjattivi.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, fejn spjegat li, matul is-snin, il-programm ‘LEADER’ tal-Unjoni Ewropea kien ta’ suċċess u ġie rikonoxxut bħala mod innovattiv ta’ kif jgħin fl-iżvilupp ta’ żoni urbani.
Minkejja dan, numru ta’ lokalitajiet f’Malta ma setgħux jibbenefikaw minn dawn il-fondi.
Id-19-il lokalità huma Birkirkara, Bormla, Ħal Tarxien, il-Belt Valletta, Il-Birgu, il-Fgura, il-Furjana, il-Ħamrun, l-Imsida, l-Isla, il-Marsa, Paola, Pembroke, San Ġiljan, San Ġwann, Santa Venera, Tal-Pietà, Tas-Sliema u Ta’ Xbiex.

Rodrick Zerafa, Kap Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, qal li l-għan hu li jinħoloq impatt pożittiv u sostenibbli fil-qalba tal-komunitajiet tagħna, anke f’dawk il-lokalitajiet li s’issa kienu esklużi taħt dawn il-fondi.
“19-il lokalità differenti li, sfortunatament, minħabba equation tal-Kummissjoni Ewropea, dawn il-lokalitajiet ma setgħux japplikaw għal fond partikolari tal-fondi Ewropej, li fil-verità jgħin ħafna lill-NGOs tal-lokalitajiet, il-kunsilli reġjonali u l-kunsilli lokali infushom. X’għamilna? Hemmhekk dħalna flimkien, ingħaqadna flimkien biex b’mod partikolari nisimgħu l-karba tan-nies però noħorġu b’soluzzjoni.”
Rodrick Żerafa, Kap Eżekuttiv, SEM

Min-naħa tagħha, il-Ministru Farrugia qalet kif din l-iskema hi xhieda ċara tal-impenn kontinwu ta’ dan il-Gvern biex jagħti spazju u appoġġ konkret lill-għaqdiet volontarji, irrispettivament minn fejn ikunu bbażati.
“B’kollox, ftit inqas minn €1 miljun li l-Gvern se jkun qed joħroġ skema biex il-kunsilli lokali u l-għaqdiet volontarji kollha li jinsabu f’dawn id-19-il lokalità, jistgħu joħolqu proġetti li jkunu sostennibli, imma li wkoll jagħmlu differenza fil-legat li jħallu għal ta’ warajna.”
Il-Ministru Julia Farrugia
Is-sejħa għall-proposti se tkun disponibbli aktar tard din is-sena u se tinħareġ fuq is-sit vofunding.org.mt, flimkien ma’ linji gwida u għajnuna għall-għaqdiet biex jiġu megħjuna jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom.