Fuzai huwa l-ewwel kelb tar-razza Corgi li jagħmel parti mill-korp tal-pulizija Ċiniża. Dan il-kelb, li għandu sena u nofs, għandu reputazzjoni mhux biss għall-ħiliet tiegħu biex ixomm l-isplussivi, iżda wkoll għad-diversi praspar li jagħmel.
Fuzai ilu jifforma parti mill-korp tal-pulizija minn Ottubru 2024 wara li temm b’suċċess it-taħriġ tiegħu fis-sejbien ta’ splussivi, spezzjonijiet tal-vetturi u navigazzjoni ta’ ostakli.
Minn dakinhar huwa pparteċipa f’diversi operazzjonijiet ta’ sigurtà, iżda l-praspar li jagħmel qed jisirqu x-xena. F’Jannar kien ġie ddixiplinat billi għal ftit żmien ma ingħatax ħelu u lanqas ġugarelli biex jilgħab, wara li nqabad rieqed fuq ix-xogħol u għamel pipi fl-iskutella tal-ikel tiegħu.
Ir-reazzjoni tan-nies imma kienet li dan l-episodju niżżlilhom tbissima u b’konsegwenza d-Dipartiment tas-Sigurtà Pubblika ta’ Weifang ġabar aktar minn 400,000 segwaċi ġdid.
Issa dan il-kelb reġa seraq ix-xena meta waqt li kien fuq xogħlu f’April li għadda ħataf biċċa zalzett minn idejn tifla fil-qrib, episodju li nqabad f’filmat u ħalla lil kulħadd mifquh bid-daħq.
L-għalliem tiegħu Zhao qal li Fuzai kien kiser ir-regola li qatt m’għandu jieħu xejn mingħand il-pubbliku u filwaqt li għamel apoloġija pubblika wiegħed li kien se jaħdem aktar fuq id-dixxiplina dwar l-ikel.
B’konsegwenza, fid-29 t’April Fuzai u dawk li jieħdu ħsiebu żaru l-iskola tal-kinder tat-tifla fejn qassmu zalzett, xi rigali kif ukoll tajra biex ipattu għal dak li għamel. Iżda omm it-tifla assigurat lil kulħadd, li binta ma kinitx affetwata mill-aġir tal-kelb anzi baqet tiekol iz-zalzett qisu qatt ma ġara xejn.