Il-President tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, ħa sehem fil-Konferenza tal-Ispeakers tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea li saret fl-11 u t-12 ta’ Mejju f’Budapest, fl-aħħar attività tal-Presidenza Ungeriża tal-Kunsill tal-UE.
Il-konferenza kienet maqsuma f’żewġ sessjonijiet: l-ewwel waħda ffokat fuq il-futur tal-UE, b’diskussjonijiet dwar l-iżvilupp lejn federaliżmu jew sovranità nazzjonali; u t-tieni waħda dwar kif l-UE tista’ tissaħħaħ fir-rabta tagħha maċ-ċittadini tagħha filwaqt li tirrispetta d-diversità kulturali.
Waqt l-indirizz tiegħu, is-Speaker Farrugia fakkar li l-UE ġiet imwaqqfa mhux minn gwerra imma minn konvinzjoni, bħala proġett ta’ paċi u solidarjetà. Huwa staqsa jekk żieda fl-infiq militari hix qed tibqa’ leali lejn dawn il-prinċipji, partikolarment meta aktar ċittadini jinsabu fil-periklu tal-faqar.
Rigward in-newtralità ta’ Malta, huwa insista li din tfisser azzjoni morali u diplomatika, mhux nuqqas ta’ impenn.
Farrugia laqa’ wkoll it-twissija tal-President tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni Ewropea li jekk tintuża klawsola ta’ emerġenza biex tgħaddi fond ta’ €150 biljun għax-xiri kollettiv ta’ tagħmir difensiv mingħajr l-approvazzjoni tal-Parlament, tista’ tinqala’ azzjoni legali.
Huwa saħaq li l-UE trid toqgħod għas-salvagwardja ta’ Gaza kif qed tagħmel ma’ l-Ukrajna, u wera t-tħassib tiegħu dwar rapporti li l-Iżrael qed jippjana li jissostitwixxi aġenziji umanitarji.
Fid-diskors tiegħu, Farrugia appella għal aktar għaqda u responsabbiltà fl-Ewropa, u mhux għal firda.
Il-konferenza kienet ippreseduta mill-Ispeaker László Kövér u indirizzata minn diversi kapijiet parlamentari Ewropej, inkluż il-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán u l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.