Bejn it-Tlieta u l-Ħamis li ġejjin, il-Partit Laburista se jlaqqa’ l-Konferenza Ġenerali Straordinarja bit-tema ‘Il-Ġid għall-Maltin’, bil-għan li jkompli bil-proċess ta’ tiġdid fi ħdanu.
Il-Partit Laburista mill-Gvern qed ikompli jagħraf il-ħtieġa li jsaħħaħ l-amministrazzjoni, il-midja u l-komunikazzjoni, u issa anke l-għeruq tiegħu.
Dan il-proċess ta’ tiġdid beda f’Settembru li għadda, bl-elezzjonijiet u l-ħatriet ġodda fl-Amministrazzjoni tal-Partit, fosthom dawk ta’ Ian Borg u Alex Agius Saliba bħala deputati mexxejja.
Ma’ dawn, Alex Sciberras inħatar bħala President tal-Partit Laburista u John Grech bħala Segretarju Internazzjonali.
It-tiġdid sar ukoll bil-ħatra ta’ Leonid McKay fir-rwol tal-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, waqt li sar ukoll tibdil fl-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Partit Laburista, bil-ħatra ta’ Norma Saliba bħala Kap tal-Komunikazzjoni u Kelliema tal-Partit Laburista.
Dawn il-ħatriet wasslu għall-bidu ta’ proċess ieħor ta’ tiġdid fil-mezzi tax-xandir u l-mezzi soċjali tal-Partit Laburista, fosthom bil-ħatra ta’ Silvio Scerri bħala Chairman ta’ ONE.
Fil-qofol u fiċ-ċentru ta’ dan it-tiġdid, il-Partit Laburista dejjem żamm lill-attivisti, il-membri u d-delegati tiegħu.
Fl-aħħar xhur saret ħidma biex jissaħħu wkoll l-għeruq tal-Partit, bi programm ippjanat u kkordinat mal-fergħat, id-distretti u l-kumitati lokali ħalli jsir kuntatt mal-akbar ammont ta’ nies possibbli, fosthom delegati u tesserati, kif ukoll il-pubbliku inġenerali li jrid ikun parti mill-familja kbira Laburista.
Matul il-Konferenza Ġenerali Straordinarja din il-ġimgħa, il-Partit Laburista se jerġa’ jsejjaħ lill-għeruq tiegħu biex, magħhom, jiddiskuti żewġ mozzjonijiet importanti.
L-ewwel waħda se tipproponi numru t’emendi fl-istatut għat-tisħiħ tal-għeruq tal-Partit, filwaqt lit-tieni mozzjoni se tittratta l-ħatra t’awdituri ġodda.
Il-qofol tal-Konferenza Ġenerali Straordinarja mistenni jintlaħaq il-Ħamis, mis-6:00 ta’ filgħaxija ’l quddiem, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamrun, meta jsiru d-diskorsi tal-President, iż-żewġ Deputati Mexxejja u l-għeluq mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela.