Se jkunu Luxol u Swieqi United LEC07 li se jikkontestaw il-finali tal-Enemed Futsal Premier League wara li kisbu l-kwalifikazzjoni b’mod meritat. Luxol irrepetew is-suċċess tal-ewwel leg kontra l-Universita’ ta’ Malta hekk kif rebħulhom bl-iskor ta’ 4-2. Luiz Henrique kien awtur ta’ doppjetta għal Luxol filwaqt li Maicon da Silva Gaiewski u awtogowl ta’ Andre Cachia għaqqdu l-iskor għaċ-champions tal-futsal preżenti. Steven Camilleri skorja doppjetta għall-Universita’ ta’ Malta. Referees kienu Joern Te Kloeze u Ramzi Benali.
Swieqi United LEC07 għelbu lil Ta’ Xbiex Futsal 8-2. Swieqi stabilixxew vantaġġ doppju iżda qabel tmiem l-ewwel taqsima, Ta’ Xbiex irnexxielhom jiskorjaw żewġ gowls u ġabu l-iskor indaqs. Fit-tieni taqsima, Swieqi iddominaw il-konfront u waslu sitt gowls oħra li tawhom il-kwalifikazzjoni finali. Il-plejer Arġentin Marcelo Alarcon skorja tripletta għal Swieqi filwaqt li Rodrigo Rocha, Guillherme Fonseca, Javier Dominguez, Rodrigo Rocha u Luca Felice żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom. Ta’ Xbiex kellhom lil Juan David Bautista Conde u George Frendo li sabu x-xibka. Referees kienu Joern Te Kloeze u Ramzi Benali.
Il-finali tal-Enemed Futsal Premier League bejn Luxol u Swieqi se tkun l-aħjar minn tliet partiti fejn il-logħob se jintlagħbu fil-21 u 23 ta’ Mejju bil-possibbilta’ li jekk tim jirbaħ finali kull wieħed isir il-konfront deċiżiv fit-30 ta’ Mejju.
Ritratt: Terry Caselli