Daniel Joe Meli, iż-żagħżugħ ta’ 28 sena minn Ħaż-Żabbar, li qed jiġi akkużat b’rabta ma’ bejgħ ta’ malware illegali fuq id-dark web, rebaħ il-każ tiegħu fil-Qorti biex ma jiġix estradit lejn l-Istati Uniti tal-Amerka.
Meli kien allegatament involut fit-traffikar ta’ Remote Access Trojan jew RAT, tip ta’ malware li jippermetti aċċess remot u kontroll fuqhom ta’ kompjuters u servers.
Hu kien arrestat, għall-ewwel darba, fi Frar tas-sena l-oħra, waqt operazzjoni kkordinata bejn il-Pulizija Maltija, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-FBI u d-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan. Għalkemm inizjalment kien aċċetta l-estradizzjoni, wara parir mill-Avukat tiegħu Joe Giglio dakinhar, sussegwentement iddeċieda li jikkontesta d-deċiżjoni.
Fis-sentenza tagħha, it-Tnejn filgħodu, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, iddeċiediet li ma tilqax it-talba tal-estradizzjoni. Din id-deċiżjoni għadha fl-istadju li tista’ tiġi appellata.
Għal Meli qed jidhru l-Avukati Franco Debono u Arthur Azzopardi.