Il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied bejn l-Indja u l-Pakistan, li kien wieħed li ssorprenda lil bosta, jidher li qed jaħdem hekk kif iż-żewġ pajjiżi qed isostnu l-impenn tagħhom biex dan jirnexxi.
Il-ġimgħa l-oħra, l-Indja u l-Pakistan raw l-aktar ġlied qalil f’għexieren ta’ snin wara li l-Indja rritaljat għall-massakru fuq turisti fin-naħa tal-Kashmir amministrata minnhom.
Għalkemm kien hemm rapporti ta’ ksur ta’ dan il-ftehim miż-żewġ naħat wara li tħabbar nhar is-Sibt, jidher li s’issa dan għadu qed jiġi rrispettat.
Kien il-President Amerikan Donald Trump li ħabbar dan il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied fuq is-sit soċjali tiegħu hekk kif attribwixxa dan għall-involviment tal-amministrazzjoni tiegħu fid-diskussjonijiet.
Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio qal li dan il-ftehim daħal fis-seħħ wara li hu u l-viċi President JD Vance għamlu jumejn jinnegozjaw ma’ uffiċjali għolja taż-żewġ pajjiżi. Iżda l-Ministeru tal-Informazzjoni Indjan qal li l-ftehim kien intlaħaq direttament bejn iż-żewġ pajjiżi għalkemm il-Prim Ministru tal-Pakistan Shehbaz Sharif irringrazzja lil Trump għar-rwol proattiv tiegħu għall-paċi fir-reġjun.