Il-Ħadd, waqt l-ewwel Regina Coeli tiegħu minn mindu laħaq Papa, Papa Ljun XIV indirizza eluf ta’ fidili miġbura fi Pjazza San Pietru u ħafna oħrajn li kienu qed isegwu minn madwar id-dinja billi appella lill-mexxejja dinjija bil-kliem “qatt aktar gwerra”.
Il-messaġġ ta’ Papa Ljun XIV kien wieħed ċar u li jġedded is-sentimenti tal-predeċessur tiegħu Papa Franġisku.
Elenka l-ewwel dwar il-fatt li 80 sena ilu kienet ġiet fi tmiema t-tieni gwerra dinjija li kkawżat l-imwiet ta’ 60 miljun persuna u wara semma l-gwerer tal-lum fejn qal li b’qalbu muġugħa jġorr is-sofferenza tal-maħbub poplu Ukren u ħeġġeġ sabiex jintlaħaq ftehim ta’ paċi ġust u dejjiemi kemm jista’ jkun malajr.
Wara semma l-katastrofi u kriżi umanitarja fil-Medda ta’ Gaza fejn qal li jinsab imdejjaq ħafna b’dak kollu li qed jiġri u appella għall-waqfien immedjat mill-ġlied u sabiex titħalla titwassal l-għajnuna umanitarja lill-poplu ċivili mifni u sabiex jinħelsu l-ostaġġi kollha.
Huwa wkoll laqa’ bil-ferħ l-aħbar ta’ waqfien mill-ġlied bejn l-Indja u l-Pakistan u awgura li fin-negozjati jkun jista’ jintlaħaq ftehim dejjiemi.
Iżda għalaq billi qal, ‘kemm hemm aktar kunflitti fid-dinja?’ u għalhekk talab lill-Madonna Reġina tal-Paċi sabiex tinterċedi ma’ Ġesù Kristu u jseħħ il-miraklu tal-paċi.