Il-Partit Nazzjonalista jrid jivvendika ruħu mill-President tar-Reġjun Tramuntana, Clifford Galea, sempliċiment għax hu Laburist, bi tpattija għall-kwistjoni kbira li ġab b’idejh fil-Kunsill ta’ Ħal Għargħur, immexxi mis-Sindku Nazzjonalista Helen Gauci.
Hawnhekk, il-PN, fl-aħħar ġimgħat, tilef il-maġġoranza li kellu wara li l-Viċi Sindku Francesca Attard irriżenjatlu u baqgħet indipendenti, frott taħwid fl-amministrazzjoni, li jinkludi mhux biss nuqqas ta’ trasparenza, iżda wkoll ħlasijiet dubjużi, jekk mhux irregolari, minn fondi pubblici.
ONE News informat li l-Partit Nazzjonalista jrid ipatti għal dan billi jressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-konfront tal-President tar-Reġjun Tramuntana, Clifford Galea, li m’għandu x’jaqsam xejn mal-kwistjoni.
Dan l-istazzjon jinsab informat li l-moħħ wara dan kollu hu s-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista, Charles Bonello, li, fil-jiem li għaddew, indirizza konferenza tal-aħbarijiet fir-rigward ta’ dak li qed jiġri f’Ħal Għargħur.
F’din il-konferenza, Bonello, li hu wkoll l-Assistent Personali ta’ GonziPN, kien diġà saħansitra hedded b’dawn il-manuvri.
“Huwa fatt ukoll li issa l-Partit Laburista neża’ l-maskra u jrid li jilgħab il-logħba tan-numri. Allura jekk irid li jilgħab il-logħba tan-numri, aħna nilagħbu l-logħba tan-numri. Qed ngħid hekk, għax aħna għandna numri f’reġjuni.”
Charles Bonello, Segretarju Ġenerali tal-PN
Issa hu ċar li, dak li kien qed jirreferi għalih Bonello, se jpoġġih fil-prattika u se jibda jivvendika ruħu mir-Reġjun tat-Tramuntana, li bla ebda bażi ġustifikata mistenni jimbotta għal mozzjoni ta’ sfiduċja fil-President.
Is-sorsi minn ħdan il-Partit Nazzjonalista qalulna li, għalhekk it-Tnejn filgħaxija, is-Sindki li jirrappreżentawh fir-reġjun se jitlaqqgħu biex tinħema mozzjoni, li twassal għal vot ta’ sfiduċja fi Clifford Galea.
Galea kien elett bħala President tar-Reġjun fl-2021 meta kiseb wieħed u erbgħin vot minn fost il-membri tal-kunsilli fl-istess reġjun kontra t-tletin vot tal-eks President tar-Reġjun, Anton Mifsud.
Hu fatt magħruf ukoll li, f’diversi okkażjonijiet, kunsillieri Nazzjonalisti tennew il-fiduċja tagħhom f’Galea anke b’mod pubbliku.
Għalhekk jirriżulta li t-tmexxija Nazzjonalista se tkun qed timponi fuq is-Sindki tagħha biex jivvotaw favur din il-mozzjoni ta’ sfiduċja.
Dawn is-Sindki se jitlaqqgħu jumejn biss qabel vot fuq il-mozzjoni ta’ sfiduċja fis-Sindku ta’ Ħal Għargħur, Helen Gauci, f’laqgħa mitluba b’urġenza l-ġimgħa l-oħra u issa hi skedata għal nhar l-Erbgħa.
Din il-mozzjoni, imressqa miż-żewġ kunsillieri Laburisti Mariah Meli u Christopher Fenech u l-Viċi Sindku indipendenti Attard, irriżultat wara li diversi talbiet ġustifikati għal informazzjoni fuq nefqiet suspettużi u potenzjalment irregolari mis-Sindku waqgħu fuq widnejn torox.
Wara r-riżenja ta’ Attard, il-Partit Nazzjonalista spiċċa jitlef il-maġġoranza ta’ siġġu wieħed, li kiseb fl-elezzjoni s-sena l-oħra.
Is-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali, għaldaqstant iddeskrivew il-mossa li ssir vendikazzjoni mal-President tar-Reġjun Tramuntana bħala waħda li tkompli turi kemm il-Partit Nazzjonalista, illum iddominat mill-estremisti tal-establishment, ma nbidilx u, biex jilgħab, irid jirbaħ, inkella jħassar il-logħba.