Il-bidu ta’ Jum l-Omm imur lura għall-1914 meta l-President tal-Istati Uniti tal-Amerka, Woodrow Wilson, kien iddikjara li, kull tieni Ħadd ta’ Mejju, għandu jkun festa fejn ikunu ċċelebrati l-ommijiet kollha.
Qabel dan, kienet l-Amerikana Anna Jarvis, li ħarġet bl-idea li toħloq din it-tifkira. Jarvis, li kienet ilha taħdem favur iż-żgħir u l-batut, inkluż fil-Gwerra Ċivili Amerikana, iddeċidiet li, wara l-mewt t’ommha fl-1905, tibda tfakkar il-memorja tagħha, waqt li appellat lil kulħadd biex jiċċelebra s-sehem tal-omm fil-ħajja tal-familja u s-soċjetà bħala figura ta’ mħabba, dedikazzjoni u sagrifiċċji.
Fl-1908, bl-enerġija u d-determinazzjoni tagħha, Jarvis organizzat l-ewwel attività uffiċjali ta’ Jum l-Omm fi knisja fi Grafton, West Virginia. Ġrajja li baqgħet titqies bħala l-bidu tal-moviment favur tali ċele brazzjoni.
Erba’ snin wara, fl-1912, Jarvis waqqfet il-Mother’s Day International Association biex tħares li din il-ġurnata tkun osservata u, fl-istess waqt, tipproteġi l-intenzjoni oriġinali tagħha.
Madankollu, hekk kif Jum l-Omm beda kulma jmur isir iżjed fil-popolarita u, partikolarment, aktar kummerċjali fejn negozji bdew jagħmlu profitti kbar mill-bejgħ ta’ fjuri, kartolini u rigali, fost l-oħrajn, Jarvis beda jiddispjaċiha minn dak li kienet ħolqot.
Irrealizzat li Jum l-Omm ma baqax jirrifletti iżjed l-iskop ewlieni tiegħu kif ħolmitu hi.
Hi saħansitra bdiet kampanja oħra, din id-darba, biex dan il-jum ma jibqax jiġi ċċelebrat u qattgħet l-aħħar snin ta’ ħajjitha tiġġieled għal dan il-għan il-ġdid. Ovvjament ma rnexxilhiex.
Madankollu, lil hinn mill-fjuri u rigali oħrajn, il-legat ta’ Anna Jarvis jibqa’ wieħed b’saħħtu, għax, kif jixraq, l-imħabba u l-importanza unika ta’ kull omm għandhom jiġu ċċelebrati kull ħin u kull mument tul is-sena kollha.