Fuq il-podcast ta’ Karl Bonaci fuq l-FLiving, l-opinjonista Jason Micallef ikkundanna l-kumment estremisti mill-esponent tal-establishment Nazzjonalista, Andrew Borg Cardon, magħruf bħala l-“Boċċa”.
Waqt li tkellem fuq diversi temi politiċi, Micallef irrefera għall-kumment dispreġġjattiv li l-avukat kiteb fuq il-midja soċjali fejn qal li l-ewtanażja għandha tkun obbligatorja għal kull Laburist, li sejħilhom “trolls”.
Hu sostna li Borg Cardona ġenwinament jemmen dak li jikteb u l-istorja tiegħu fuq il-midja soċjali, b’kattiverja insensata kontra l-Laburisti, titkellem għalih.
Kien hawn li Jason Micallef staqsa għalxiex il-Kamra tal-Avukati ma ħarġet l-ebda stqarrija tikkundanna tali diskors odjuż immirat lejn kull min jimmilita fil-Partit Laburista.
Insista li, fuq l-aġir pubbliku tal-“Boċċa”, għandu jkun hemm konsegwenzi sejri, saħansitra anke jitteħidlu l-warrant ta’ avukat.
Qal, “Dan is-Sinjur, l-avukat, pastaż mhawnx, dik hi dikjarazzjoni tal-mistħija, lanqas titwemmen. Dan professjonist eh, avukat. Tal-mistħija. U dan jemminha eh, dan mhux kitibha bl-addoċċ ta, dan jemminha. Jemmen li l-Laburisti għandhom jingħataw, ikollhom mandatorja, bilfors jiġifieri, bilfors, bħal meta aħna mmorru l-iskola sa 16-il sena, bilfors mandatorja, li l-Laburisti għandhom jingħataw bilfors l-ewtanażja. F’kelma oħra noqtluhom.”
Hu tenna li, minkejja din il-mibegħda kollha, il-Kamra tal-Avukati, li hi mmexxija minn Peter Fenech, esponent ieħor ukoll qrib l-establishment Nazzjonalista, lanqas biss fetħet ħalqha.
Qal, “Din dikjarazzjoni serja ħafna. Din dikjarazzjoni li sakemm qed nitkellmu hawnekk, mela dan mhux membru tal-Kamra tal-Avukati?! Rajt xi stqarrija tikkundanna l-pastażata li kiteb dan l-individwu mill-Kamra tal-Avukati?! Fuq din neħodlu l-warrant jiena.”
Waqt id-diskussjoni, Micallef qal li nies bħal Borg Cardona u partitarji Nazzjonalisti bl-istess mentalità tiegħu u għaqdiet estremisti, qed jikkontribwixxu biex il-Partit Laburista jibqa l-aktar partit popolari.
Għax l-interess tagħhom mhux wieħed nazzjonali, iżda li jivvendikaw ruħhom billi jistaġnaw l-ekonomija Maltija.
Hawn irrefera wkoll għall-aġir tal-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa, li ħalef “gwerra qaddisa” kontra l-Laburisti, kif ġara fil-każ tal-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment, li fl-aħħar jiem ukoll ġie diskuss fil-Parlament Ewropew … l-uniku programm simili li għadda minn tali skrutinju, anke jekk pajjiżi oħrajn għandhom l-istess.
Micallef kompla li l-poplu llum m’għadux interessat fil-politika negattiva ta’ dawk li llum jiddominaw lill-Partit Nazzjonalista, li jiżvogaw biss fit-tisbit tal-borom u l-istorbju.