Propju tliet ijiem ilu, il-Ħamis 8 ta’ Mejju, miċ-ċumnija tal-Kappella Sistina ħareġ dak id-duħħan abjad tant mistenni minn bosta, fl-indikazzjoni li ġie elett Papa ġdid.
Il-Kardinal Robert Francis Prevost, bl-isem papali ta’ Papa Ljun XIV, ġab żewġ terzi tal-voti u b’hekk laħaq bħala is-suċċessur ta’ Franġisku.
Illum, Papa Ljun XIV indirizza l-ewwel Angelus tal-Ħadd tiegħu mill-gallarija tal-Bażilika ta’ San Pietru fejn sellem lill-pellegrini u viżitaturi kollha li mlew il-pjazza tal-Vatikan.
Fid-diskors tiegħu, Papa Ljun XIV fakkar li llum hija l-ġurnata tal-Ħadd tar-Ragħaj it-Tajjeb fejn iddiskrevih bħala “rigal mingħand Alla”. Huwa esprima wkoll il-ferħ tiegħu li seta’ jitlob flimkien mal-poplu kollu ta’ Alla għall-vokazzjonijiet speċjalment tas-saċerdozju hekk kif illum huwa Jum Dinji tat-Talb għall-Vokazzjonijiet.
Filwaqt li fakkar fil-messaġġ tal-predeċessur tiegħu, il-Papa Franġisku, huwa ħeġġeġ lil kulħadd biex jagħti s-sapport tiegħu lejn iż-żgħażagħ u nitolbu lil Alla biex jgħinna ngħixu fis-servizz ta’ xulxin.
Intant, bosta kienu dawk li segwew dan l-Angelus, fosthom ukoll Maltin li kienu preżenti għall-purċissjoni Aux-Flambeaux, is-Sibt filgħaxija, li tmexxiet mill-Kardinal Filippin Luis Antonio Tagle. Ħafna wkoll kienu preżenti f’Ruma hekk kif din il-ġimgħa kien imiss il-Ġublew tal-Baned.