Is-settur marittimu Malti kompla jikber b’mod sinifikanti, tant li, fl-2024, ir-Reġistru tal-Bastimenti kiber bi kważi 10% u, sal-ewwel kwart ta’ din is-sena, Malta kellha aktar minn 10,000 bastiment irreġistrat, l-akbar fl-Ewropa u s-sitt wieħed fid-dinja.
Minbarra hekk, pajjiżna wkoll għandu l-akbar reġistru ta’ superyachts globalment.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Kurt Farrugia, u r-Reġistratur Ġenerali ta’ Bastimenti u Baħrin, Ivan Tabone, ħabbar li, mill-1 ta’ Ġunju li ġej, Transport Malta se tibda toffri ċeritifikati elettroniċi lis-sidien tal-bastimenti u l-jottijiet irreġistrati taħt il-bandiera marittima Maltija.
“Dan il-pass ta’ diġitalizzazzjoni hu xi ħaġa li talbu l-klijenti u hi xi ħaġa li żżomna leaders għas-snin li ġejjin imma ovvjament irridu dejjem nibqgħu naġġornaw. Il-fatt li qegħdin minn tal-ewwel juri l-commitment tal-gvern u tal-ħaddiema ta’ Transport Malta u tas-settur privat biex inkabbru din l-industrija li tant hi importanti imma fuq kollox tagħmilna kburin bil-bandiera Maltija.”
Chris Bonett – Ministru
Id-dokumenti diġitali huma konformi mal-istandards tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, l-IMO, u jipprovdu livell għoli ta’ sigurtà.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Kurt Farrugia, qal kif dan se jsaħħaħ il-proġett, li beda fl-2021, meta l-baħħara bdew jingħataw l-e-certificates u, sal-lum, hemm aktar minn 93,000 dokument diġitali.
