Illum, is-Sibt 10 ta’ Mejju, il-futbol Malti jilħaq il-qofol tiegħu bil-finalissima tant mistennija bejn Birkirkara FC u Ħamrun Spartans – partita li qed tqanqal interess kbir fost il-partitarji u li mistennija timla l-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali bin-nies wara ħafna żmien.
Partitarji lebsin, fuq naħa, bil-kuluri aħmar u iswed u aħmar u isfar, fuq in-naħa l-oħra, se jkunu qed joħolqu atmosfera elettrika hekk kif l-aħħar daqqa tal-ballun tal-istaġun 2024/25 se tiddeċiedi min se jkun ir-re tal-futbol Malti.
Jirriżulta li l-biljetti għall-Enclosure u l-Millennium Stand tal-grawnd diġà huma mibjugħin kollha, bil-folla fl-eluf ta’ partitarji li se joħolqu atmosfera unika. Biljetti għadhom qed jinbiegħu biss fiż-żoni wara l-lasti, sinjal ċar li l-Istadium Nazzjonali se jkun imballat.
Għal Birkirkara din tkun ċans li jirbħu l-ħames kampjonat fl-istorja tagħhom, waqt li, għal Ħamrun Spartans, kieku dan ikun it-tielet rebħ tal-kampjonat konsekuttiv u l-11-il wieħed fl-istorja tagħhom, li allura jikkonsolida r-renju tagħhom fl-aħħar snin.
Il-konfront jista’ jmur fil-ħin barrani u anke għall-penalties kemm-il darba r-riżultat ikun għadu ta’ dro sad-90 minuta.