Naxxar Lions għelbu lil Melta bl-iskor minimu ta’ 1-0, bil-goal tant importnati għalihom jasal eżattament fi tmiem l-ewwel taqsima, permezz ta’ Hugo Dos Santos Coelho. B’hekk huma żammew posthom fil-Malta Premier u kkastigaw lil Melita biex staġun ieħor jilagħbu fiċ-Challenge League.
Kienet partita mill-isbaħ, speċjalment fit-tieni taqsima, u kollox ma’ kollox bilanċjata, bir-riżultat li seta’ jmur kull naħa.
M’hemmx dubju iżda li kumplessivament, wara din ir-relegazzjoni, wieħed stenna aħjar minn Melita speċjalment wara l-bidu ta’ staġun tal-ħolm li kellhom fejn saħansitra l-coach tagħhom Clive Miziz ġie magħżul bħala l-VBET Coach tax-Xahar għal Awwissu 2024. Madankollu fit-tieni nofs tal-istaġun, eżattament fil-Closing Round, huma ma baqgħux konsistenti, bir-riżultati ma jaslux u ta’ dan pattew qares.
Melita ħolqu l-ewwel periklu fis-sitt minuta meta Edson Faris Cerqueira għadda tajjeb lejn Hugo Farias li kellu xutt minn ġol-kaxxa jintemm barra.
Melita rrispondew fl-14-il minuta permezz ta’ xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Matthew Debattista li intemm għoli.
Naxxar reġgħu ħolqu l-periklu fit-33 minuta permezz ta’ xutt ta’ Edson Farias Cerqueira, wara li bidel il-ballun, li kien salvat minn Gosef Mizzi.
Tliet minuti fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Naxxar irnexxielhom jiftħu l-iksor meta Edson Farias Cerqueira indirizza freekick pinġut li sab lil HUGO DOS SANTOS COELHO li permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin ma ħafirx.
Naxxar tilfu ċans tad-deheb li jirduppjaw l-iskor fit-56 minuta meta Joao Vitor Moura Cardoso kellu t-tentattov fil-baxx tiegħu mill-viċin jistampa ma’ sieq il-wieqfa, b’Melita jeħilsuha ħafif.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u żewġ minuti biss wara tilfu ċans tad-deheb li jirduppjaw l-iskor meta Maicon De Silva Suza ġie wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper ta’ Melita Gosef Mizzi iżda għamel l-impossibli tefa’ barra.
Melita wieġbu fis-66 minuta permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Jean Pierre Attard li ntemmet barra.
Huma tefgħu kollox fuq l-attakk fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs u fis-77 minuta Matthew Debattista xeħet cross-shot insidjuż li ġie devjat f’corner bir-ras minn player ta’ Naxxar.
Kulma jmur kompla d-dominju ta’ Melita u fis-86 minuta daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Andres Camilo Gonzales Sanchez ġiet salvata b’mod stupend mill-goalkeeper ta’ Naxxar Matthias Debono, biex salva goal ċert.
Naxxar wieġbu fit-92 minuta meta s-sostitut Takuma Yamaguchi kellu xutt mill-viċin li rriżulta bħala kemmxejn fraġli u ġie salvat mingħajr wisq diffikultá minn Mizzi.
Fis-97 minuta, Melita pprotestaw għall-penalty meta xutt minn ġol-kaxxa ta’ Jean Pierre Attard deher li allegatament ħabat ma’ id player ta’ Naxxar, iżda r-referee Philip Farrugia ħalla l-logħob għaddej.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita, bil-players, staff u partitarji numerużi ta’ Naxxar jiċċelebraw bil-kbir l-istatus tagħhom fil-Malta Premier.
Referee: Philip Farrugia
Plejer tal-Logħba: Hugo Dos Santos Coelho (Naxxar L.)