Il-mument li nstema’ isem il-Papa l-ġdid, Robert Prevost, kien wieħed emozzjonanti ħafna għal numru ta’ patrijiet Maltin Agostinjani, li mhux biss kienu jafuh personalment, imma kellhom esperjenzi vasti miegħu li żgur se jibqgħu mnaqqxin f’qalbhom.
ONE News tkellem ma’ żewġ patrijiet mill-istess Ordni tal-Agostinjani, li fil-ħajja reliġjuża tagħhom għamlu ħbieb ma’ Robert Prevost, fosthom f’pajjiżna u anke barra minn xtutna waqt xi missjoni.
Il-Provinċjal Agostinjan, Patri Leslie Gatt, iddeskriva lill-Papa l-ġdid bħala raġel mistħi u rrakkontalna diversi stejjer hekk kif, f’dawn l-aħħar snin, hu ġie Malta diversi drabi u saħansitra qagħad fil-Kunvent ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta, waqt din il-mawra.
“Għal 11-il sena kien Pirjol Ġenerali tal-Ordni tagħna u diversi drabi, f’dak ir-rwol, ġie jżurna, semagħna, għamel visti fil-provinċja tagħna u allura sema’ lil kull patri wieħed, wieħed, aktar minn darba. Ippresieda kapitli tagħna, jiġifieri qed nikkalkula li kien Malta xi seba’, tmin darbiet. Apparti li, imbagħad, kien reġa’ ġie bħala Kardinal sentejn ilu meta ppresieda l-quddiesa fil-Mosta, imma ġie anke f’dan il-kunvent f’dik iż-żjara.”
Leslie Gatt, Provinċjal Agostinjan
Patri Leslie uriena wkoll ktieb ta’ tifkiriet bil-kitbiet ta’ numru ta’ kardinali, li żaru pajjiżna, fosthom dik speċjali tal-Papa Leone Erbatax, li tmur lura għal sentejn ilu.
Hawnhekk hu spjegalna wkoll li, mill-ewwel mumenti tal-Papat tiegħu, deher li se jipproġetta l-kuntatt sabiħ li għandu man-nies.
“Minkejja li hu ġej mid-dinja żviluppata, mill-Amerka, l-Istati Uniti, hu kien missjunarju fil-Perù, f’post li hu fqir ħafna u naħseb dik l-esperjenza poġġietu grounded ħafna.”
Leslie Gatt, Provinċjal Agostinjan
B’rabta mal-esperjenzi tiegħu, bħala missjunarju għal għexieren ta’ snin fl-Amerka t’Isfel, ONE News tkellem ukoll ma’ Patri Rafel Abdilla, li ddedika ħajtu jgħin lil min hu fil-bżonn. Dan flimkien ma’ Robert Prevost.
“L-aktar żmien li hu qawwi li narah miegħu li kelli, meta kont il-missjoni fl-Alġerija. Jiena kelli x-xorti li nagħmel għoxrin sena fil-Brażil, imbagħad wara ġejt imsejjaħ biex inkompli l-missjoni fl-Alġerija. Dak iż-żmien kien hu l-Ġeneral tal-Ordni Agostinjan u, bħal kull ġeneral, anke Prevost, Iljun Erbatax illum, kellu mħabba kbira lejn din il-missjoni partikolari.”
Rafel Abdilla, Patri Agostinjan