Kien il-ħajjat Taljan rinomat Raniero Mancinelli, li għandu esperjenza fil-qasam klerikali ta’ aktar minn 60 sena, li ħiet is-suttana l-bajda ta’ Papa Ljun XIV.
Għal dawn l-aħħar snin Mancinelli, li għandu ħanut ftit passi ‘l bogħod mill-Vatikan u li nfetaħ fi żmien it-Tieni Kunsill tal-Vatikan fl-1962, ħiet mijiet ta’ ilbies klerikali, minn djakni, saċerdoti, isqfijiet, kardinali u saħnsitra anke papiet differenti.
ONE News, bl-għajnuna tal-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede Frank Zammit, żar dan il-ħanut mimli oġġetti sagri li jintużaw anke waqt il-quddies, fejn hemmhekk b’mod esklussiv intervista lil Mancinelli.
Filwaqt li sellem il-memorja ta’ Papa Franġisku li kellu relazzjoni tajba ħafna miegħu, għax lilu wkoll ħietlu l-ilbies ta’ meta ġie elett Papa fl-2013, qal li jinsab ferħan ħafna bl-għażla tal-Kardinali dwar is-suċċessur il-ġdid ta’ Pietru.
Qabel Franġisku, il-ħajjat Taljan, ħadem ukoll l-ilbies ta’ Papa San Ġwanni Pawlu t-Tieni u Papa Benedittu XVI.
“Huma 70 sena li ili nagħmel dan ix-xogħol. Xogħol li nagħmel għall-isqfijiet u kardinali, u aktar riċenti servejt lil tliet Papiet – Ġwanni Pawlu II, Benedittu XVI u Franġisk, li għamiltlu telarji u kont sodisfatt, għax qaluli hu xogħol magħmul tajjeb u dan għamilni kburi. Unur tax-xogħol kollu li għamilt fil-karriera.”
Raniero Mancinelli, Ħiet l-ilbies tal-Papa
Qabel il-Konklavi li beda nhar l-Erbgħa li għadda, Mancinelli bagħat tliet suttani bojod b’qisien differenti għal Papa l-ġdid sabiex jilbishom f’dik magħrufa bħala l-Kamra tal-Biki, kamra li tinsab ħdejn Kappella Sistina fejn il-papa l-ġdid jinża’ l-ilbies ta’ kardinal u jilbes dawk ta’ Ragħaj Suprem tal-Knisja Kattolika Universali.
“Sakemm jirnexxieli rrid nibqa’ nservi lill-Knisja u s-saċerdoti u anke l-Papiet jekk possibbli, grazzi.”
Raniero Mancinelli, Ħiet l-ilbies tal-Papa