Jidher li l-Istati Uniti u r-Renju Unit laħqu ftehim kummerċjali relatat mat-tariffi imħabbra mill-amministrazzjoni ta’ Trump fix-xahar t’April.
Il-President Amerikan Donald Trump, waqt li kien qed jindirizza l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, qal li d-dettalji għandhom ikunu ffinalizzati fil-ġimgħat li ġejjin.
Jidher iżda li dan huwa ftehim li jiffoka biss fuq setturi speċifiċi sabiex jiffaċilità n-negozjar u l-kummerċ fil-qasam tal-agrikoltura, l-vetturi, aluminium u ħadid.
Kemm Trump, kif ukoll il-Prim Ministru Ingliż Keir Starmer emfasizzaw ir-relazzjoni tajba li teżisti bejn iż-żewġ pajjiżi fid-diskorsi tagħhom.
Dan il-ftehim jidher li huwa bbażat fuq konċessjonijiet miż-żewġ naħat b’waħda minnhom tkun it-tneħħija tat-tariffa ta’ 25% imposta minn Trump fuq il-ħadid u l-aluminium impurtat mir-Renju Unit. Għalkemm ir-Renju Unit ma tantx jesporta ħadid u aluminium lejn l-Istati Uniti però jibgħat ħafna prodotti magħmula minnhom li wkoll b’konsegwenza huma affetwati minn dawn it-tariffi.
Trump qal li permezz tal-ftehim l-Istati Uniti kienet se żżid l-esportazzjoni taċ-ċanga u l-etanol lejn ir-Renju Unit hekk kif dawn il-prodotti dejjem kienu limitati.
Dwar it-tariffa fuq vetturi Ingliżi din se tinżel għal 10% minn 27.5% fuq kwota ta’ 100,000 karozza esportati lejn l-Istati Uniti. Skont Starmer din kienet parti importanti min-negozjati hekk kif l-esportazzjoni tal-karozzi Ingliżi lejn l-Istati Uniti is-sena l-oħra kienet ta’ valur li jiżboq l-għaxar biljun u nofs ewro li huwa 27.4% tat-total kollu ta’ karozzi esportati mir-Renju Unit.