Persuna nqatlet fil-Ħamrun wara ġlieda fejn intużaw is-skieken.
Il-każ seħħ ftit wara s-sebgħa u nofs tal-lejla u l-pulizija arrestat missier u iben wara tfittxija li damet madwar siegħa u kwart.
Il-vittma huwa ż-żagħżugħ ta’ 21 sena bl-isem ta’ Brandon Pace. Pace huwa wkoll missier. Fil-fatt fuq il-post instemgħet l-għajta “Brandon” u “Ħaduhuli quddiemi.” Persuni viċin l-investigazzjoni qalulna li ż-żagħżugħ miet f’idejn oħtu. Pace kien residenti l-faċilità korrettiva ta’ kordin għal diversi drabi u ġġieled il-vizzju tad-droga wkoll tant li kien attenda wkoll xi programmi. Tagħrif li għandna jgħid li ħareġ mill-ħabs madwar ġimagħtejn ilu.
Jidher li involuti fil-ġlieda, li saret f’dar fil-‘housing estate’, kien hemm tliet persuni. Kemm waqt il-ħin tal-ġlieda kif ukoll wara fl-akwata nstema’ għajjat u storbju. Minbarra skieken intuża wkoll madum li beda jkun mitfugħ b’saħħa.
Investigazzjoni mill-għassa tal-Ħamrun qed titmexxa mill-Ispettur Eliott Magro. Involuti wkoll l-investigaturi tad-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali u nħatret inkjesta maġisterjali.