Ferħ kbir mill-folla hekk kif joħroġ d-duħħan abjad miċ-ċumnija tal-Kappella Sistina – kulħadd jiġri ’l quddiem biex jara. In-nies qegħdin jaqbżu bil-ferħ u xi wħud qed iħarsu lejn is-sema bħala ringrazzjament lil Alla.
Koppja mill-Greċja qalet li din hi “esperjenza ta’ darba fil-ħajja”, waqt li żiedu li se jistennew biex jaraw lill-Papa l-ġdid jitfaċċa mill-gallarija fil-Pjazza San Pietru.
il-qniepen ukoll qed idoqqu b’qawwa, tant li l-ħoss qed jinxtered madwar il-pjazza kollha u anke madwar id-dinja permezz tal-preżenza qawwija tal-midja fuq il-post, inkluż ONE News.
“Viva l-Papa” hi l-għajta komuni tal-folla miġbura fil-Pjazza tal-Vatikan f’dan il-mument storiku. Dan qed jagħmluh b’sens ta’ ferħ hekk kif ġie magħruf li l-Papa ġdid ġie elett.
Għajnejn id-dinja issa ddur fuq il-gallarija prinċipali tal-Vatikan hekk kif fi ftit tal-ħin ieħor jitħabbar ukoll min hu l-267 Kap tal-Knisja Kattolika.