Mal-200 ħaddiem li jqassmu l-ikel (food couriers) impjegati mal-kumpanija Wolt issieħbu bħala membri fil-General Workers’ Union biex tassistihom u tiddefendilhom l-interessi tagħhom.
Fl-aħħar ġimgħat, dawn il-ħaddiema kienu lmentaw bis-sitwazzjoni tagħhom f’dak li jirrigwardja l-benefiċċji u l-pagi li kienu qed jirċievu u kien għalhekk li ssieħbu fil-GWU biex tħarsilhom id-drittijiet tagħhom.
Fil-fatt, l-Erbgħa li għadda saret laqgħa għal dawn il-ħaddiema fil-binja tal-GWU bl-intenzjoni li jiġu organizzati aħjar. “Il-messaġġ ċar lejhom kien li hemm bżonn li norganizzaw rwieħna kif suppost u li l-union qiegħda hemm biex tħarsilhom id-drittijiet tagħhom u dak li huwa dovut lilhom bi dritt, jiħduh kollu,” qal is-Segretarju tat-Taqsima GWU Ikel u Ospitalità Kevin Abela.
Is-Segretarju Abela żied jispjega li l-ġimgħa d-dieħla se tkun qiegħda ssir laqgħa oħra li preżenti għaliha se jkun hemm hu flimkien ma’ grupp żgħir ta’ nies li għandhom id-dettalji kollha sabiex jiġu fformulati t-talbiet tagħhom f’dokument wieħed. Dawn it-talbiet imbagħad se jitressqu kemm lill-kumpanija Wolt u anke lil kumpaniji oħra li huma impjegati magħhom.