Stqarrija għall-istampa mill-partit Laburista tgħid li id-Deputat Mexxej u MPE Laburista Alex Agius Saliba nħatar bħala negozjatur ewlieni f’żewġ inizjattivi importanti fil-kumitat dwar il-Libertajiet Ċivili, Ġustizzja u Intern (LIBE) fil-Parlament Ewropew. L-inizjattivi huma ntiżi sabiex jiksbu qafas regolatorju iktar robust biex jiġu mħarsa d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità, biex jiġi introdott qafas regolatorju li jipproteġi l-ħaddiema mill-użu indiskriminat ta’ ‘data’ tal-algoritmi.
Agius Saliba se jkun qed imexxi n-negozjati f’isem il-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi dwar ‘l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità wara l-2024’ u d-Diġitalizazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali u t-tħaddim ta’ algoritmi fuq il-post tax-xogħol’. Alex Agius Saliba saħaq fuq il-ħtieġa urġenti ta’ qafas regolatorju u mekkaniżmi ta’ nfurzar sabiex id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità jiġu mplimentati b’mod sħiħ madwar l-Unjoni Ewropea. Huwa saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li d-drittijiet tal-ħaddiema dwar id-data tagħhom tiġi rispettatata u li jkun hemm kontrolli stretti li jillimitaw is-sorveljanza kontinwa tal-ħaddiema.
“Dan ir-rapport jtenni l-impenn tal-UE lejn il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità”, kienu l-ewwel kliem ta’ Agius Saliba wara li ġie adottat ir-rapport. Huwa kompla bi twissija “imma biex dan l-impenn jiġi onorat, irridu nibdluh f’leġislazzjoni, nfurzar effettiv, u ugwaljanza reali fil-prattika.” Agius Saliba elenka l-prijoritajiet ewlenin li jeħtieġu attenzjoni, inkluż l-ugwaljanza fl-aċċess mingħajr diskriminazzjoni, il-parteċipazzjoni politika u fil-ġustizzja, il-monitoraġġ u l-kontabilità, aċċess ugwali għall-edukazzjoni, u l-ħtieġa li l-UE turi tmexxija f’dan il-qasam madwar id-dinja.
Fir-rigward tar-rapport dwar l-użu ta’ data tal-algoritmi, Agius Saliba qal “ma nistgħux inħallu t-teknoloġija tiġi wżata sabiex timplimenta l-ekwivalenti ta’ skjavitù moderna fuq il-ħaddiema. Id-drittijiet tal-ħaddiema għall-privatezza u d-dinjità għandhom jirbħu fuq id-domanda bla rażan għal titjib fil-produttività li twassal sabiex il-ħaddiema jiġu mġegħla jaħdmu qishom robots. Fuq dan is-suġġett Agius Saliba żied “ma nistgħux inħallu s-sorveljanza kontinwa tal-ħaddiema ssir prassi awtomatika.”
Agius Saliba huwa impenjat li jinsisti għal azzjoni iżjed b’saħħitha mill-UE, “Persuni b’diżabilità għandhom id-dritt għal inklużjoni sħiħa, parteċipazzjoni u dinjità. Bħala leġislaturi, huwa d-dmir tagħna li nibdlu din il-viżjoni f’realtà. Mhux, biss bil-kliem, iżda wkoll b’fatti konkreti. Bl-istess mod, il-ħaddiema għandhom ikunu protetti minn proċeduri invasivi li saru possibli bl-avvanz tat-teknoloġija u li jkasbru d-dinjità tagħhom u d-drittijet tagħhom għall-privatezza.”