Fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far żdiedet binja oħra li warajha hemm iktar minn sempliċi struttura. Binja li tfisser €30 miljun oħra investiment u iktar opportunitajiet ta’ impjiegi.
Kien f’April tas-sena l-oħra li l-Prim Ministru żar il-fabbrika Playmobil u hemm ingħatat l-aħbar li f’dak li hu wieħed mill-ikbar postijiet tax-xogħol f’pajjiżna kien se jkun hemm iktar investiment.
Minn dakinhar saret ħidma ma taqta’ xejn biex kull min iżur Ħal Far f’dawn il-jiem se jkun jista’ jara l-binja ġdida fuq 16–il elf metru kwadru ta’ art. Din l-estensjoni mistennija tfisser 200 impjieg fuq medda ta’ bejn tliet snin u erba’ snin.
Il-Playmobil kienet stabbilità f’Malta fl-1971 u s-sena li għaddiet ipproduċiet iktar minn 110 miljun oġġett. Il-fabbrika f’pajjiżna kienet stabbilita fl-1971 u hija l-unika li tipproduċi l-figuri tal-Playmobil b’mod sħiħ. Meta tħabbar dan l-investiment il-Kap Eżekuttiv, Mathias Fauser, kien qal li din se żżid il-kapaċità tal-kumpanija f’Malta bejn 20 u 30 fil-mija.
Dan huwa wieħed mill-investimenti li sabu l-appoġġ tal-Malta Enterprise u d-diriġenti tal-kumpanija kkummentaw iktar minn darba dwar kif il-miżura tar-roħs fil-kontijiet tal-enerġija għenithom jiffrankaw mijiet ta’ eluf ta’ ewro fis-sena u għalhekk kienu mħeġġa jsaħħu l-preżenza f’pajjiżna.
Dan mhux l-uniku bini li bħalissa hemm għaddej fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far. Crane Currency, kumpanija kbira fil-produzzjoni tal-flus, diġà bdiet ix-xogħol fuq l-ewwel investiment tagħha f’pajjiżna. Investiment ta’ 100 miljun dollaru Amerikan.
Fl-istess żona wkoll mistenni jsir iċ-ċentru loġistiku tal-LIDL. Investiment ġdid għal pajjiżna li se jkun qed joħloq 120 impjieg ġdid.