Malta laħqet mument storiku fil-vjaġġ tat-trasformazzjoni ekonomika tagħha hekk kif il-kumpanija STMicroelectronics inawgurat it-tlestija tal-Proġett KK0, parti minn espansjoni strateġika li qed issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru kruċjali fl-industrija globali tas-semikondutturi.
Il-faċilità tal-ST f’Malta issa hi rikonoxxuta bħala l-ewwel impjant backend tal-manifattura avvanzata fl-Unjoni Ewropea u hi punt ta’ riferiment ġdid għall-prattiċi tal-Industrija 4.0.
Il-faċilità tgħaqqad l-awtomazzjoni avvanzata, inġinerija preċiża u ħaddiema speċjalizzati li jwasslu għall-manifattura ta’ semikondutturi tal-ogħla kwalità.
Il-President tal-STMicroelectronics, Fabio Gualandris, qal li l-impjant ta’ Malta issa hu wieħed mill-aktar produttivi fi ħdan il-Grupp ST globalment.
Dan is-suċċess ġej wara li biss seba’ snin ilu l-impjant f’pajjiżna kien f’riskju li jingħalaq. Però dan kollu nbidel fi storja ta’ suċċess.
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, qal li dan mhuwiex biss investiment fl-infrastruttura, iżda wkoll investiment fin-nies, fil-ħiliet u fl-innovazzjoni għal Malta ta’ għada.
Illum, l-impjant ST f’Malta jimpjega aktar minn 1,600 professjonist b’ħiliet għolja u jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ekonomija nazzjonali, partikolarment fis-settur tal-esportazzjoni.
L-industrija tas-semikondutturi f’Malta diġà tiġġenera aktar minn €1.2 biljun f’esportazzjoni — madwar terz tal-esportazzjonijiet kollha tal-manifattura — u toħloq aktar minn 4,000 impjieg ta’ kwalità għolja.
Malta dalwaqt se tniedi l-ewwel Ċentru Nazzjonali ta’ Kompetenza għas-Semikondutturi, li se jwassalha wkoll biex tintegra ruħha aktar mal-Att dwar iċ-Ċipep tal-Unjoni Ewropea u ssaħħaħ ir-rwol tagħha fir-riċerka, id-disinn u l-manifattura avvanzata.
F’konformità mal-aġenda nazzjonali għas-sostenibbiltà, l-ST introduċiet ukoll faċilità ġdida għat-trattament tal-ilma, iddisinjata biex tnaqqas b’mod sinifikanti l-konsum u tappoġġja l-użu mill-ġdid fiċ-ċiklu tal-produzzjoni — prova ċara li l-manifattura sostenibbli u profittabbli jistgħu jimxu id f’id.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, li kienet preżenti għall-preżentazzjoni tal-operat ta’ dan l-impjant, qalet li din il-faċilità hi eżempju ċar ta’ kif l-industrija tista’ tkun parti kruċjali għal din it-tranżizzjoni.