L-ewwel ħaġa li jrid jagħmel il-papa ġdid, wara li jaċċetta r-riżultat tal-votazzjoni minn sħabu l-kardinali u qabel ma jagħmel kwalunkwe ħaġa oħra hija, li jagħżel isem.
Dan l-isem, fil-verżjoni Latina, ikun imħabbar eżatt wara l-famuża “Habemus Papam”.
Skont it-tradizzjoni dan l-isem ikun differenti minn dak tat-twelid, hekk kif l-ewwel kap tal-Knisja Pietru fil-ħajja tiegħu ta’ sajjied kien jismu Xmun. It-tibdil tal-isem huwa wkoll sinifikanti bħala twelid ġdid iżda wieħed jinnota wkoll li fis-sekli antiki ħafna mill-papiet kienu jbiddlu isimhom għax l-ismijiet oriġinali tagħhom kienu jkunu ismijiet pagani.
Iżda din it-tradizzjoni mhux dejjem kienet segwieta mill-papiet kollha u mil-266 li kellna s’issa, kienu biss 129 li għażlu isem ġdid.
It-tibdil tal-isem sar parti miċ-ċerimonja minn Papa Ġwanni XII fis-sena 955 bl-eċċezzjoni ta’ Adrijanu VI fl-1522 u Marċellu II fl-1555.
Wieħed jinnota wkoll li għal ċerti papiet dan seta’ kien it-tielet isem f’ħajjithom jekk kienu jservu f’ordnijiet reliġjużi fejn hemm ukoll mal-ordinazzjoni wieħed jieħu isem ġdid.
L-għażla tal-isem jaf ikollha diversi raġunijiet jew sinifikati u ħafna jagħżlu l-istess isem tal-predeċessur tagħhom jew papa ieħor fil-qrib b’rispett, ammirazzjoni jew għarfien u dan ġeneralment jindika d-direzzjoni li jkun se jieħu fil-pontifikat tiegħu.
Min-naħa l-oħra għażla ta’ isem totalment differenti minn dak tal-papa ta’ qablu, tkun waħda li tindika bidla u innovazzjoni, ħaġa li għamel Papa Franġisku meta sar l-ewwel papa fl-istorja li ħa l-isem tal-qaddis minn Assisi.
L-aktar ismijiet popolari huma Ġwanni, Gregorju u Benedittu, hekk kif kellna 23 Ġwanni u sittax-il Gregorju u Benedittu. Piju wkoll huwa isem popolari u bejn l-1775 u l-1958 minn ħdax-il papa, sebgħa ħadu dan l-isem u bl-isem tal-Appostlu San Pawl kellna sitt papiet.
Interessanti wkoll li l-ebda papa qatt ma ħa l-isem ta’ Ġużeppi, Ġakbu, Indri jew Luqa u ħadd qatt ma ħa l-isem ta’ Pietru b’rispett lejn l-ewwel papa.
L-uniċi żewġ papiet li ħadu isem doppju kienu Albino Luciani u Karol Wojtyla, Ġwanni Pawlu I u II. Luciani kien għażel dawn iż-żewġ ismijiet biex jenfasizza l-kontinwità tal-pontifikati ta’ Ġwanni XXIII u Pawlu VI. Hekk kif kellu jdum papa biss għal 33 jum, is-suċċesur tiegħu Wojtyla ħa l-istess isem.
Il-mistoqsija issa hi, u l-267 papa x’se jkun jismu?