Tard l-Erbgħa filgħaxija, il-Prim Ministru tal-Pakistan Shebaz Sharif, indirizza lin-nazzjon fejn ħalef li kien se jivvendika l-mewt u kull qatra demm tal-martri li tilfu ħajjithom waqt l-attakk bil-missili li wettqet l-Indja matul il-lejl u li fih mietu 31 persuna ċivili.
Dawn il-kummenti għamilhom hekk kif ftit qabel il-Gvern tal-Pakistan akkuża lill-Indja li kienet xegħlet infern bl-attakki fuq disa’ siti fil-Kashmir amministrat mill-Pakistan u l-provinċja ta’ Punjab filwaqt li awtorizza lill-militar sabiex jużaw il-mezzi kollha u jirritaljaw kontra l-Indja.
L-Indja qed issostni li l-attakki kienu b’ritaljazzjoni diretta għall-qtil mwettaq mill-militanti x-xahar l-ieħor fil-Kashmir amministrat mill-Indja li fih mietu 25 turist Hindu u l-gwida tagħhom hekk kif l-Indja qed takkuża lill-Pakistan li dan l-attakk kien seħħ b’involviment dirett tagħhom permezz tal-organizzazzjonijiet militanti Iżlamiċi li kien jappoġġja.
Din kienet l-ewwel darba minn meta beda l-kunflitt bejn l-Indja u l-Pakistan fl-1971, li missili Indjani niżlu f’Punjab, li hija l-aktar provinċja militarment u politikament importanti fil-Pakistan.
Il-ġlieda dwar ta’ min hu l-Kashmir ilha minn mindu saret id-diviżjoni tal-Indja u kien iffurmat il-Pakistan fl-1947 minkejja li t-tnejn li huma jamministraw parti mit-territorju li huwa maqsum minn wieħed mill-aktar fruntieri mmilitarizzati msejjaħ “il-linja tal-kontroll” u bbażat fuq fruntiera ta’ waqfien mill-ġlied stabbilit wara l-gwerra tal-1947-48. Iċ-Ċina tamministra wkoll parti oħra li tinsab fil-Lvant.
L-Indja u l-Pakistan s’issa daħlu fi gwerra dwar il-Kashmir tliet darbiet bl-aktar riċenti tkun fl-1999.
Matul il-jum tal-Erbgħa, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, iċ-Ċina, l-Iran u l-Emirati Arab Magħquda appellaw sabiex ma tkomplix teskala t-tensjoni.
Il-Prim Ministru Ingliż Keir Starmer qal li r-Renju Unit kien qed jitkellem b’mod urġenti maż-żewġ pajjiżi biex jinkoraġġixxi d-djalogu, tikkwieta s-sitwazzjoni u tkun assigurata l-protezzjoni tan-nies ċivili. Minn naħa tiegħu, l-President Amerikan Donald Trump appella lill-Indja u l-Pakistan sabiex jieqfu jiġġieldu. Huwa qal li riedhom jieqfu hekk kif l-Istati Uniti għandha relazzjoni tajba maż-żewġ pajjiżi.