Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, indirizzaw il-konferenza Innovation in Marine & Maritime Sustainable Developments: Research and Applications organizzata mill-Malta Maritime Platform fi ħdan l-Università ta’ Malta.
Din il-konferenza ġabet flimkien esperti lokali u internazzjonali b’numru ta’ akkademiċi, riċerkaturi, professjonisti tal-industrija u dawk involuti fil-politika jingħaqdu biex jiddiskutu soluzzjonijiet konkreti għas-sfidi li qed jiffaċċja s-settur marittimu, partikolarment fid-dawl tat-tibdil fil-klima u l-avvanz teknoloġiku.

Il-Ministru Chris Bonett saħaq li s-sostenibbiltà u l-investiment fl-infrastruttura huma fundamentali għall-futur marittimu ta’ Malta. Filwaqt li tenna l-importanza tal-għażliet li qed isiru llum, il-Ministru qal, “Il-futur tas-settur marittimu jiddependi fuq id-deċiżjonijiet li nieħdu llum. Malta ma tistax tiddependi biss mill-portijiet naturali għaliex illum, il-kompetizzjoni titlob investiment f’infrastruttura sostenibbli u intelliġenti.”
Il-Ministru Bonett semma l-proġetti ewlenin bħas-sistema ta’ shore-to-ship li diġà tinsab attiva fil-Port il-Kbir, waħda mill-aktar estensivi fil-Mediterran, u li se tkompli tespandi lejn il-Freeport. “Se nkomplu naħdmu biex nagħtu l-importanza u t-taħriġ meħtieġ lill-ħaddiema kollha tas-settur, inklużi inġiniera, baħrin, u ħaddiema tat-tarzna biex ikunu mħarrġa u ppreparati għall-bidliet teknoloġiċi u l-ħidma awtomatizzata,” temm jgħid il-Ministru Bonett.
Fid-diskors tiegħu fl-ewwel sessjoni tal-konferenza, li fiha ġew diskussi l-innovazzjoni u t-teknoloġija fis-settur marittimu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal, “L-istorja ta’ Malta hija marbuta mal-baħar, mill-vjaġġi antiki u l-kummerċ marittimu sal-innovazzjoni moderna u s-sostenibbiltà. Ejjew nonoraw dan il-wirt mhux billi nħarsu lura, iżda billi nħarsu ’l quddiem. Flimkien, irridu niżguraw li l-futur tal-pajjiż tagħna, u tal-oċeani li naqsmu, ikun immexxi mir-riċerka, iffurmat mill-innovazzjoni, u msaħħaħ mis-sostenibbiltà.”

Il-konferenza enfasizzat diversi temi kruċjali fosthom il-ħtieġa għal infrastruttura sostenibbli, għall-preservazzjoni tal-bijodiversità, l-integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mal-konservazzjoni ambjentali, u saħansitra l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-baħar. Id-djalogu bejn xjentisti, inġiniera, policymakers u NGOs ħoloq ambjent ideali biex jinbnew strateġiji koerenti għal trasformazzjoni sostenibbli. Il-konferenza affermat ukoll l-importanza ta’ governanza effettiva, parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, u l-ħtieġa li jiġu msaħħa l-partnerships bejn is-settur pubbliku u dak privat.