Eks Maġġur tal-Pulizija xehed kif, ġimgħa qabel l-omiċidju, sema’ lill-Avukat Carmel Chircop jgħajjat fuq il-mowbajl tiegħu l-kliem “Meta se tagħtini l-flus?!”.
Dan intqal hekk kif kompla l-ġuri dwar żewġ omiċidji: dak ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017 u ta’ Chircop fl-2015, fejn qed jiġu akkużati l-aħwa Robert u Adrian Agius, magħrufin bħala ‘tal-Maksar’, Jamie Vella u George Degiorgio, magħruf bħala ‘ċ-Ċiniż’.
L-eks uffiċjal qal li hu ma kienx jaf lil min kien qiegħed ikellem l-avukat.
L-Erbgħa filgħodu, il-ġurati ntwerew ritratti makabri tal-katavru tal-Avukat Chircop, waqt li wkoll xehed l-espert mediku tal-Qorti Dr Mario Scerri, li għamel l-awtopsja tiegħu.
Fuq il-pedana tax-xhieda, hu spjega li l-avukat Karkariż intlaqat minn erba’ tiri ta’ arma tan-nar, bi tnejn minnhom li baqgħu f’ġismu, filwaqt l-oħrajn inħarġu f’dawk li jissejħu ‘exit wounds’.
Fl-ewwel ritratt, li ntwera lill-ġurija, kien juri x-xena tal-qtil fil-garaxx, bl-avukat mimdud fuq daharu ħdejn il-karozza tiegħu, f’għadira demm.
Scerri xehed ukoll li xi balal daħlu f’dahar l-avukat u ħarġu minn għonqu.
Fl-awla ġie esebit ukoll rapport, li wera l-armi li xtara wieħed mill-akkużati, Jamie Vella. Sar ukoll rapport li wera l-valur tal-karozzi, li kellhom l-akkużati, b’Jamie Vella kellu karozzi li jiswew aktar minn €100,000.