Proprju ftit tal-ħin ilu, miċ-ċumnija tal-Kappella Sistina fil-Vatikan ħareġ duħħan iswed, indikazzjoni li ma ntlaħaqx qbil wara l-ewwel vot tal-kardinali fl-ewwel jum tal-konklavi.
Il-133 kardinal taħt it-80 sena vvotaw fil-bidu tal-Konklavi, iżda l-ebda persuna ma ġabet l-appoġġ taż-żewġ terzi meħtieġa, jiġifieri mill-inqas 89 vot biex issir Papa.
B’hekk il-kardinali eliġibbli biex jivvotaw iridu jieħdu vot ieħor għada filgħodu, l-ewwel minn erbgħa skedati fil-ġurnata, sakemm ikun hemm qbil ta’ maġġoranza assoluta dwar min għandu jkun is-suċċessur ta’ Papa Franġisku, li ħalla din id-dinja nhar il-21 ta’ April, u allura jsir il-Kap tal-Knisja Kattolika Rumana.
L-istess proċess jibqa’ jiġi ripetut sakemm miċ-ċumnija joħroġ duħħan abjad, li jkun ifisser li jkun intlaħaq il-qbil għal Papa ġdid.
Ġurnalisti ta’ ONE News jinsabu proprju fil-Pjazza tal-Vatikan biex, b’mod kontinwu u permezz ta’ one.com.mt, jaġġornaw b’dak li għaddej f’dan il-mument storiku għar-reliġjon Kattolika.