Is-sitwazzjoni fl-Indja qed teskala, kawża tat-tensjonijiet ġodda fl-aħħar sigħat mal-Pakistan fil-kwistjoni li ilha tberren is-snin.
Dan kien kliem Joseph Bezzina, li jinsab fl-Indja biex jagħmel xogħol ma’ organizzazzjoni volontarja b’risq persuni fil-faqar.
Hu stqarr kif ġie informat mill-Ambaxxata Maltija li se jseħħ blackout, bħala mitigazzjoni għal din is-sitwazzjoni u, b’hekk, ma jinqabadx barra u jara li jkun fil-lukanda għas-sigurtà.
Qal kif, minkejja li s-sitwazzjoni normalment ukoll mhijiex daqstant sigura, bħalissa s-sitwazzjoni eskalat, hekk kif hemm element ta’ allarm. Dan anke jekk ir-reġjun fejn jinsab bħalissa baqa’ għaddej b’mod normali.
“Kellu jkun hawn blackout, fil-fatt kont informat mill-Ambaxxata biex kemm jista’ jkun ma ninqabadx barra, biex qabel is-6:00 inkun fil-lukanda, f’posti. Is-sitwazzjoni anke normali mhix daqshekk sigura f’dawn il-pajjiżi, speċjalment filgħaxija, aħseb u ara fil-ħin tal-blackout. Tidher li s-sitwazzjoni, sfortunatament, ngħid għalija, qed teskala.”
Joseph Bezzina, Malti fl-Indja