Wara l-mewt tal-Papa Franġisku, rapporti fil-midja internazzjonali indikaw l-ismijiet papabbli, li minnhom possibbilment jintagħżel il-Kap il-ġdid tal-Knisja Kattolika waqt il-konklavi li beda mill-Erbgħa filgħodu. Fost dawn l-ismijiet qed jerġa’ jidwi bi prominenza dak tal-Kardinal Għawdxi Mario Grech.
Fir-rapport tal-midja internazzjonali, qed jitfakkar li l-Kardinal minn pajjiżna nħatar bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijet, li hi waħda mill-aktar karigi b’saħħithom fil-Vatikan. U allura mhux biss hu magħruf sew mal-kardinali, iżda l-pożizzjoni tista’ tpoġġih f’vantaġġ fuq oħrajn.
Fl-2014, Grech kien appella fil-Vatikan stess biex il-Knisja taċċetta aktar lill-persuni LGBTIQ+ u tfittex modi ġodda biex tindirizza sitwazzjonijiet ta’ familji moderni. Diskors li kien imfaħħar direttament mill-Papa Franġisku.
Rapporti wkoll itennu li l-Kardinal Grech ħareġ aktar progressiv wara li l-Papa Franġisku sar Kap tal-Knisja Kattolika fl-2013.
Jingħad ukoll li ladarba ġej minn pajjiż żgħir u newtrali, Mario Grech m’għandu l-ebda kwistjonijiet ġeopolitiċi.
Ma’ Monsinjur Mario Grech, jissemmew ukoll bi prominenza, fost l-oħrajn, it-Taljan Pietro Parolin, il-Filippin Luis Antonio Tagle u l-Kardinal mill-Ghana Peter Turkson.
Ħa nagħtu ħarsa lejn il-kandidati l-oħrajn papabbli.
PIETRO PAROLIN
It-Taljan Pietro Parolin ta’ 70 sena hu s-Segretarju tal-Istat jew l-ekwivalenti tal-Prim Ministru tal-Istat tal-Vatikan.
Il-prijoritajiet tiegħu huma d-diplomazija u l-perspettiva globali, iżjed mill-purità tad-dogma Kattolika. Minkejja dan, hu kien kritiku tul il-Papat ta’ Franġisku favur iż-żwieġ tal-istess sess.
Waqt li l-kritiċi tiegħu jinnotaw li l-perspettiva tiegħu hi problematika, Parolin għandu ħafna partitarji li jappoġġjaw dak li jippriedka bħala l-pass ’il quddiem għall-Knisja Kattolika.
LUIS ANTONIO GOKIM TAGLE
Luis Antonio Gokim Tagle hu Kardinal Filippin ta’ 67 sena. Tagle għandu diċenji ta’ esperjenza bħala mexxej attiv tal-Knisja Kattolika, waqt li qed jitqies bħala fost l-aktar li għandu dedikazzjoni għall-problemi soċjali u simpatija għall-imigranti, valuri simili tal-Papa Franġisku.
Tagle għandu opinjoni b’saħħitha kontra l-abort kif ukoll l-ewtanasja, għalkemm jimbotta favur evalwazzjoni mill-ġdid fuq il-pożizzjoni tal-Knisja dwar l-omoseswali, id-divorzju u l-ommijiet waħedhom biex jitneħħa t-timbru negattiv fuqhom.
FRIDOLIN AMBONGO BESUNGU
Il-kandidat Fridolin Ambongo Besungu, Kongoliż ta’ 65 sena, kien appuntat mill-Papa Franġisku bħala l-Arċisqof ta’ Kinshasa għal seba’ snin. Besungu għandu pożizzjoni konservattiva ħafna fuq temi soċjali, speċjalment iż-żwieġ tal-istess sess.
Fl-2020, hu tkellem favur il-pluraliżmu reliġjuż, għalkemm din l-oppinjoni kapaċi twassal lill-kardinali jistaqsu jekk Besungu jħaddanx is-sens ta’ missjoni tagħhom.
PETER KODWO APPIAH TURKSON
Il-kandidat Peter Kodwo Appiah Turkson hu mill-Ghana u għandu 76 sena. Bħal ħafna kardinali Afrikani, Appiah għandu opinjoni konservattiva, għalkemm oppona l-kriminalizzazzjoni tal-omosesswali f’pajjiżu, waqt li kkumenta li l-omosesswalità m’għandha qatt tiġi ttrattata bħala att offensiv.
PETER ERDO
L-Ungeriż Peter Erdo ta’ 72 sena ilu kardinal 21 sena u kien ukoll parti mill-konklavi li ħatru lill-Papa Franġisku fl-2013 u lill-Papa Benedittu qablu fl-2005.
Hu ħadem b’mod speċjali biex isaħħaħ ir-relazzjoni bejn l-Ortodosssi u l-Kattoliċi. Waqt li għandu opinjonijiet konservattivi fuq id-divorzju, bid-differenza ta’ oħrajn, hu żamm relazzjoni koperattiva mal-Papa Franġisku.
ANGELO SCOLA
Angelo Scola, Taljan ta’ 83 sena, kien l-Arċisqof ta’ Milan. Wara li ssemma mal-favoriti fl-2013 u vvota fil-konklavi li ħatar lill-Papa Franġisku, ismu reġa’ beda jissemma dan l-aħħar.
Għalkemm il-kardinali taħt it-80 sena biss jistgħu jivvotaw fil-konklavi, Scola qed jitqies bħala papabbli.
REINHARD MARX
Reinhard Marx, Ġermaniż ta’ 71, kien l-Archisqof ta’ Munich u Freising, waqt li, fl-2013, intagħżel bħala konsulent mill-Papa Franġisku ftit wara wara li ġie elett.
Marx hu iżjed miftuħ favur l-omosesswalità fit-tagħlim tar-reliġjon Nisranija. Fl-2021 kien spiċċa joffri r-riżenja tiegħu wara dak li baqa’ magħruf bħala ġudizzju żbaljat dwar abbuż sesswali ta’ numru ta’ tfal minn membri tal-Knisja Kattolika Ġermaniża. Minkejja dan, il-Papa Franġisku ma laqax ir-riżenja.
MARC OUELLET
Marc Ouellet, Kanadiż ta’ 80 sena, kien meqjus bħala kandidat biex isir Papa darbtejn, fl-2005 u fl-2013. Għal snin, Oullet kien imexxi d-dekasteru tal-Vatikan għall-isqfijiet fejn kien jagħżel il-kandidati għal episkopat madwar id-dinja.
Oullet hu wkoll meqjus bħala konservattiv u jemmen li n-nisa ma jistgħu qatt ikunu qassisin.
ROBERT PREVOST
Robert Prevost, kandidat Amerikan ta’ 69 sena, hu s-suċċessur ta’ Ouellet bħala l-mexxej tad-dekasteru tal-Vatikan għall-isqfijiet. Prevost ukoll kien missjunarju fil-Perù, fejn wara sar Arċiisqof hemmhekk stess. Waqt li kien fil-kariga, hu allegatament ħeba każ ta’ abbużi sesswali, iżda ċaħad tali allegazzjonijiet.
ROBERT SARAH
Robert Sarah, kandidat mill-Guinea ta’ 79 sena, hu maħbub sew mill-konservativi minħabba l-ubbidjenza tad-duttrina u l-liturġijja tradizzjonali.
Hu baqa’ magħruf li oppona għall-valuri tal-Papa Franġisku. Minkejja li mhuwiex mal-favoriti nett biex jiġi elett, jingħad li Sarah igawdi minn appoġġ kbir mal-konservattivi.
Hu kien sar l-iżgħar Arċisqof fl-età ta’ 34 sena, wara li ġie appuntat mill-Papa Ġwanni Pawlu II.
MICHEAL CZERNY
Il-kandidat Micheal Czerny hu Kanadiż ta’ 78 sena. Hu ġie appuntat kardinal mill-Papa Franġisku, li bħalu hu Ġiżwita, l-ordni reliġjuża magħrufa sew għax-xogħol missjunarju tagħha madwar id-dinja.
Czerny, li ħadem ħafna fl-Amerika Latina u fl-Afrika, hu magħruf bħala progressiv u kien maħbub mill-Papa Franġisku. Għalkemm maħbub, analisti jqisu li hu improbabbli ħafna li jerġa’ jitla’ Papa ieħor Ġiżwita.