L-awtoritajiet Maltin żammew mal-impenn tal-Prim Ministru Robert Abela fejn intbagħat surveyor marittimu abbord il-bastiment ‘Conscience’ u finalment ġie aċċettat jitla’ abbord biex jagħmel spezzjoni barra l-ibħra territorjali ta’ pajjiżna.
Mill-istħarriġ, li wettaq is-surveyor, instab li l-bastiment għandu ħsarat li jeħtieġu tiswijiet minuri biex il-bastiment ikun jista’ jasal fid-destinazzjoni li jmiss. Is-surveyor marittimu rrapporta li numru ta’ kompartamenti, fosthom il-qoxra tal-vapur, u l-kamra tal-magni, nstabu f’kundizzjoni tajba jew sodisfaċenti u ħielsa minn dħul ta’ ilma.
Mill-ispezzjoni, ħareġ ukoll li l-maġġorparti tal-apparat importanti fuq il-bastiment bħaż-żewġ magni ewlenin, iż-żewġ ġeneraturi, it-tagħmir li jimbotta l-pruwa u l-apparat għat-tifi tan-nar huma operabbli.
Aktar minn hekk, hemm proviżjoni ta’ ikel u xorb għall-membri tal-ekwipaġġ għal madwar 30 jum u nstab li hemm ħażna ta’ fjuwil ta’ madwar 32 tunellata.
Il-Gvern se jkun qed jagħmel it-tiswijiet meħtieġa fuq il-post fejn il-bastiment jinsab ankrat, kif ikkonferma s-surveyor marittimu, jiġifieri barra l-ibħra territorjali ta’ Malta.