Qed isir xogħol ta’ tindif fuq parti mill-Bastjun ta’ San Klement f’Bormla. Dan ix-xogħol qed isir wara ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u d-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni fejn tħejja pjan ta’ interventi biex dawn l-istrutturi jiġu kkurati, imnaddfin u ppreparati għal użu ġdid fil-futur.
Din il-parti tas-sit, li tikkonsisti f’maħżen storiku fis-sistema ta’ fortifikazzjonijiet importanti fil-Kottonera, kien għal snin twal magħluq u inaċċessibbli għall-pubbliku.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Artijiet, Stefan Zrinzo Azzopardi, spjega kif dan il-ftehim se jkopri x-xogħlijiet fuq għadd ta’ proprjetajiet pubbliċi.
“Dan hu l-ewwel proġett li dawn iż-żewġ entitajiet qegħdin jagħmlu flimkien biex, f’din il-binja li għandha valur storiku kbir, ikun jista’ jsir it-tindif u minn hemmhekk jistgħu jinbdew isiru studji u analiżi kif jista’ jingħata ħajja mill-ġdid.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi
Preżenti wkoll fuq il-lant tax-xogħol, kien hemm is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield.

“It-taqsima tagħna qiegħda hawnhekk biex tagħti servizz u permezz ta’ dan il-ftehim, li għandna mal-Awtorità tal-Artijiet, qegħdin nagħtu s-servizz permezz tal-ħaddiema tagħna li nirringrazzjahom tax-xogħol ħalli dan l-ispazju, li ilu ħafna snin magħluq jerġa’ jingħata lura lin-nies.”
Is-Segretarju Parlamentari, Glenn Bedingfield
Ix-xogħol li sar f’dan is-sit jinkludi l-ġbir u t-tneħħija ta’ skart goff, tindif intern tal-binja u l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà biex jiġi assigurat li l-ħaddiema joperaw mingħajr periklu.