B’investiment ta’ €5 miljun, tnieda servizz ġdid ta’ kura tad-dijabete – dik tal-insulin pumps – li minnhom se jibbenefikaw madwar 220 pazjent.
Dan tħabbar mill-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, li tenna kif dan l-iżvilupp isegwi għadd ta’ diskussjonijiet mal-esperti u wara li l-Gvern firex l-użu tal-continuous blood glucose monitors għal kull pazjent li jbati minn Dijabete tat-tip 1 f’pajjiżna.
F’dan ir-rigward, diġà ġew investiti madwar ta’ €4 miljun oħra.
Dawn iż-żewġ servizzi, issa, se jkunu qed jaħdmu flimkien, filwaqt li qed jiġi assigurat li l-insulin pumps ikunu eħfef biex tużahom, ladarba huma tubeless u wireless pumps.
Dawn il-pompi jgħinu biex jitnaqqsu l-kumplikazzjonijiet f’pazjenti milqutin, politika li tmur id f’id mal-viżjoni tal-Gvern, dik li titjieb il-kwalità tal-ħajja.
Dawk eliġibbli huma persuni li għandhom id-Dijabete tat-Tip 1 u li għandhom età sa 18-il sena.
“L-ewwel fażi aħna ħa nipprovdu din l-insulin pump, lil dawk il-pazjenti adoloxxenti minn 18-il sena ’l isfel. Huma pazjenti li jkollhom dijabete li taf tkun problematika u taf tiżviluppa f’kumplikazzjonijiet.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Dawk b’Dijabete tat-Tip 3Ċ, fejn din aktarx tkun irriżultat minn mard fil-frixa, se jkunu wkoll eliġibbli.
“Ħa noffruha wkoll lill-pazjenti li jkollhom tumuri fil-frixa, li jkollhom bżonn operazzjonijiet li, imbagħad, jirriżultaw fid-dijabete. Naħsbu li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ pazjenti huma tajjeb ħafna li nibdew bihom.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Minbarra hekk, dawn il-pazjenti kif ukoll il-familji tagħhom se jiriċievu mill-inqas tliet sigħat ta’ taħriġ biex ikunu jistgħu jħaddmu dawn ir-riżorsi ħalli l-pazjent u qrabatu jgħixu ħajja normali.