Wasteserv tista’ tkompli bil-proġett tagħha ta’ park ġdid għall-familji fis-sit tal-Impjant ta’ Sant’Antnin, f’Wied il-Għajn.
Dan wara deċiżjoni tal-Qorti f’appell minn wieħed mill-offerenti, li kkontesta t-tender biex art ta’ tlieta u għoxrin elf u tmin mitt metru kwadru, fejn kien l-impjant tat-trattament tal-iskart, tiġi żviluppata mill-kumpanija f’wieħed mill-akbar spazji ħodor għall-familji.

Fi stqarrija, il-Wasteserv laqgħet dan l-iżvilupp, bil-Kap Eżekuttiv tagħha, Richard Bilocca, jisħaq li din id-deċiżjoni hi pass sinifikanti ’l quddiem biex il-proġett isir realtà, li mistenni jibda appena jiġi ffirmat il-kuntratt fil-jiem li ġejjin, ladarba l-permessi kollha tal-iżvilupp ġew approvati.
Il-proġett se jkun qed jikkonverti din l-art industrijali f’park naturali b’siġar u arbuxelli maturi, flimkien ma’ għadira artifiċjali bil-għan li tattira lejha flora u fawna mill-madwar.