F’Għawdex inbena mill-bidu nett bastiment ta’ madwar 40 pied li se jkun qed jintuża minn sajjied żagħżugħ Malti.
Dan innotah il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, waqt żjara li għamel għand Tomna Craft fil-Qasam Industrijali tax-Xewkija fejn inbniet din l-opra tal-baħar.

Dwar dan, ħadna r-reazzjoni ta’ Jimmy Xiberras, li hu veteran fis-sengħa tal-bini tal-vapuri.
“Din inħadmet kollha minn hawn, Għawdex, mill-bidu sal-aħħar fil-forma u din għas-sajd għal wieħed żagħżugħ Malti. Hi attrezzata b’kollox modern u magni ġodda.”
Jimmy Xiberras, Jibni l-opri tal-baħar
Il-Ministru Refalo, filwaqt li ra l-proċess ta’ kif jinbena bastiment, tenna l-importanza ta’ din is-sengħa, fejn is-sajjieda Maltin u Għawdxin jagħmlu anke użu minn xogħol bl-idejn tan-nies lokali.

Hawn il-Ministru saħaq kif il-Gvern se jibqa’ jinvesti fil-qasam tas-sajd f’pajjiżna u anke fis-sajjieda nfushom, partikolarment dawk żgħażagħ, biex dan ix-xogħol meqjus tradizzjonali ma jintilifx.
“Investiment massiċċ li qed isir mis-sajjieda Maltin, speċjalment ukoll miż-żgħażagħ, u dan, wara kollox, juri d-determinazzjoni u impenn u kuraġġ, li għandhom is-sajjieda Għawdxin u Maltin. Aħna, bħala Ministeru, kommessi li nkomplu ngħinu dan is-settur biex nagħmluh aktar sostenibbli.”
Il-Ministru Anton Refalo