Matul il-lejl, l-erba’ ajruporti ta’ Moska kellhom jagħlqu għal diversi sigħat wara li l-Ukrajna, għat-tieni jum konsekuttiv, attakkat bid-drones il-belt kapitali.
Għalkemm issa reġgħu infetħu lura, qed ikun irrappurtat li rnexxielhom jinterċettaw u jwaqqgħu mill-anqas dsatax-il drone destinati lejn Moska. 105 drone oħra kienu distrutti fil-bqija tal-pajjiż.
Il-ġimgħa l-oħra, Vladimir Putin kien ħabbar tliet ijiem ta’ waqfien mill-ġlied minn nhar il-Ħamis hekk kif hemm ippjanata parata kbira sabiex tkun iċċelebrata l-vittorja fuq in-Nażi fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Sadanittant, l-Ukrajna għadha tinsisti li qed tiġġieled fit-territorju ta’ Kursk minkejja li r-Russi qed jirrappurtaw li ħadu l-kontroll totali ta’ dan is-sit.