Tħabbru d-dettalji dwar il-festivals li se jkunu qed jittellgħu minn Festivals Malta bejn ix-xhur ta’ Mejju u Lulju ta’ din is-sena, fejn dawn jinkludu Ritmu Roots Festival, il-Malta International Arts Festival, il-Malta Jazz Festival u Dance Festival Malta.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal kif matul is-sajf li ġej, permezz ta’ Festivals Malta, pajjiżna se jkun qed jospita erba’ festivals prestiġjużi li jsaħħu l-identità kulturali tagħna u joffru pjattaforma lill-artisti lokali u internazzjonali. Qal kif il-programm mhux biss isaħħaħ l-istaġun tas-sajf b’attivitajiet ta’ livell għoli, iżda wkoll jattira eluf ta’ persuni lejn pajjiżna, b’benefiċċji diretti kemm fuq livell ekonomiku kif ukoll soċjali, fejn anke jifraħ lil Festivals Malta għall-viżjoni u l-impenn kontinwu tagħhom biex il-kultura tibqa’ ħajja u aċċessibbli għal kulħadd.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra qal, kif ta’ kull sena, Festivals Malta qed tippreżenta kalendarju kulturali tal-ogħla livell ukoll għall-istaġun tas-sajf, fejn dan joffri mhux biss spettaklu għall-udjenzi lokali fil-ġranet sajfin, iżda jkomplu jsaħħu lil pajiżna bħala destinazzjoni kulturali għal diversi viżitaturi li jiġu apposta f’pajjiżna fix-xhur tas-sajf. Qal kif bħala Festivals Malta, se jibqgħu jaħdmu u jipproduċu festivals li jistinkaw għall-eċċellenza artistika u jinsab ħerqan biex flimkien jagħtu bidu għal dan il-kalendarju artistiku mill-aqwa bl-ewwel festival li jibda proprju f’dan ix-xahar.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius semma kif il-festivals tas-sajf joffru opportunità lill-Festivals Malta biex tippreżenta ġeneri artistiċi differenti permezz ta’ erba’ festivals distinti, fejn b’hekk, qed jkomplu jsaħħu l-għan li jkun offrut varjetà ta’ avvenimenti kulturali biex jintlaħqu udjenzi differenti u l-kultura tkun aktar aċċessibbli.
Ritmu Roots Festival se jiftaħ il-kalendarju sajfi ta’ Festivals Malta bit-tielet edizzjoni tiegħu li se ssir bejn il-21 u l-24 ta’ Mejju. Id-Direttur Artistiku ta’ Ritmu Roots Festival, Andrew Alamango, qal li Ritmu huwa pjattaforma għall-pubbliku fejn il-komunitajiet jinġabru mal-mużika u jipparteċipaw f’attivitajiet tradizzjonali mal-komunità, fejn din is-sena, dan il-festival se jinkludi proġetti bħall-Kummittiva, l-Għana, il-logħoba tal-boċċi, u artisti internazzjonali bħal Tarta Relena, Pliri Ntaxei u Vincent Moon.
Malta International Arts Festival se jirritorna bejn it-13 sat-22 ta’ Ġunju b’għaxart ijiem ta’ avvenimenti multidixxiplinari li jinkludu żfin, mużika, teatru u wirjiet ta’ arti viżiva. Ftit mill-proġetti notevoli fil-programm ta’ din is-sena jinkludu kunċert mill-Malta Philharmonic Orchestra, Underground Valletta, M.A.D. – Music and Dance, Music Painted by Caravaggio u Boċċi the Musical b’kollaborazzjoni ma Teatru Malta. Dwar dan kollu, tkellem id-Direttur Artistiku. Ruben Zahra, fejn qal li l-Malta International Arts Festival jipproponi programm innovattiv b’estetika kontemporanja f’diversi siti storiċi sabiex in-narrattiva tal-wirt kulturali issir parti integrali mill-esperjenza unika ta’ dan il-festival.
Malta Jazz Festival, li ser jittella’ bejn is-7 u t-12 ta’ Lulju, se jinkludi programm eklettiku ta’ avvenimenti b’line-up ċelebri li tinkludi artisti bħal Michael Mayo, Rebecca Martin, Peter Barnstein, Knower u ħafna aktar. Id-Direttur Artistiku Sandro Zerafa spjega kif bi programm li jvarja mill-istili mużikali ikoniċi ta’ Peter Bernstein, għall-enerġija splussiva tad-duo minn Los Angeles, Knower, sal-mużika folk ta’ Rebecca Martin, il-Malta Jazz Festival, issa fit-35 edizzjoni tiegħu, jżomm il-wegħda tiegħu li jgħaqqad flimkien l-eklettiku, l-integrità u l-eċċellenza.
Dance Festival Malta, li se jsir bejn l-24 u s-27 ta’ Lulju, se jgħaqqad l-artisti lokali ma’ diversi artisti Ewropej billi joffrilhom pjattaforma fejn jistgħu jiddiskutu, jaqsmu u jtejbu x-xogħol artistiku tagħhom permezz ta’ masterclasses u workshops speċjalizzati. Apparti minn hekk, il-festival se joffri erbat ijiem ta’ prestazzjonijiet ta’ żfin li jgħaddu messaġġi diversi permezz ta’ koreografiji mill-isbaħ. Id-Direttur Artistiku Francesca Tranter, qalet kif Dance Festival Malta huwa festival li jgħaqqad kulturi, ġenerazzjonijiet u vuċijiet differenti, fejn is-saħħa tal-moviment u ż-żfin jiċċelebra d-differenzi, jqajjem djalogu u jgħaqqadna bħala komunità.
Għal aktar informazzjoni fuq il-festivals tas-sajf ta’ Festivals Malta, żur www.festivals.mt.