It-Tnejn waranofsinhar, il-Parlament sellem il-memorja tal-Aġent President ta’ Malta Francis Zammit Dimech, li ħalla din id-dinja fil-21 ta’ April li għadda fl-età ta’ 70 sena.
F’isem in-naħa tal-Gvern, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela sostna kemm il-darba ħadmu flimkien fil-kuruturi tal-Qorti u tenna li l-karatteristiċi li sawruh matul iż-żmien li kien Membru Parlamentari u anka Ministru, kont tista’ tarahom mhux biss fil-ħajja professjonali imma wkoll fil-ħajja ta’ kuljum tiegħu għaliex kien bniedem serju, integru, u qatt ma ħabb il-konfront.
Il-Prim Ministru tenna li l-kariga ta’ Francis bħala Aġent President, kien jokkupaha b’sens ta’ kburija u l-pajjiż tilef ġentlom fil-politika.
Dr Abela tkellem dwar l-aħħar darba li ltaqa’ miegħu fl-isptar, ftit sigħat biss qabel ma ħalla din id-dinja u ta l-kondoljanzi lill-qraba kollha tiegħu, li wkoll kienu preżenti fil-Parlament.
Sellem ukoll il-memorja ta’ Francis Zammit Dimech, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.