Il-kaptan tal-bastiment ‘Conscience’ aċċetta li surveyor marittimu, imqabbad mill-Gvern Malti, jitla’ fuq il-bastiment. Fil-fatt, it-Tnejn waranofsinhar, is-surveyor marittimu kien jinsab ħdejn il-bastiment, ’il barra mill-ibħra territorjali Maltin.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament, fejn fil-bidu tas-seduta t-Tnejn, ta l-aħħar dettalji dwar dan il-każ.
Hu spjega kif, il-Ħadd waranofsinhar, kien hemm komunikazzjoni bejn Transport Malta u l-aġent ta’ dan il-bastiment, dwar dak li qal hu wkoll il-Ħadd mal-midja, jiġifieri li Malta lesta tħallas għall-ispejjeż tal-ħsarat.
Din ġiet aċċettata min-naħa tal-bastiment, iżda bil-kundizzjoni li l-‘Conscience’ jiddaħħal f’port Malti. Din it-talba ma ġietx aċċettata mill-awtoritajiet Maltin.
Imbagħad il-kaptan tal-bastiment aċċetta li s-surveyor jitla’, bil-patt li l-bastiment jiddaħħal fl-ibħra territorjali Maltin. Xi ħaġa li wkoll ma ġietx milqugħa.
Mill-ġdid il-kaptan għamel talbiet ġodda.
“Imbagħad ġiet risposta oħra, aktar kmieni llum min-naħa tar-rappreżentanti tal-bastiment, l-aġent tal-bastiment, fejn kien lest jaċċetta li jitla’ s-surveyor abbord, imma semma li riedu jitilgħu tliet persuni li ma jidhirx li għandhom konnessjoni mas-sid tal-bastiment li, għal darb’oħra, weġibna li l-pożizzjoni tagħna kienet se tibqa’ kif kienet inizjalment. U issa ninsab f’qagħda li nirrapporta li l-kaptan tal-bastiment aċċetta li jitla’ s-surveyor ’il barra mill-ibħra territorjali ta’ pajjiżna u fil-fatt, proprju bħalissa jidher li s-surveyor maħtur mill-Gvern Malti, li hu Leo Desira, wieħed mis-surveyors li hu akkreditati, huwa surveyor tal-Gvern ukoll wasal fejn dan il-bastiment.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dan, fl-istess ħin, li sitt persuni ċivili fuq il-bastiment talbu li jinżlu l-art u jitilqu lura lejn pajjiżhom. Malta aċċettat dan, bl-għajnuna tal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, biex imbagħad setgħu jaqbdu titjira t-Tnejn filgħaxija.
Dr Abela qal ukoll li l-Ħadd tkellem mal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech dwar din il-kwistjoni u t-Tnejn waranofsinhar saret laqgħa kordjali bejniethom, fil-preżenza wkoll tal-Ministri Byron Camilleri u Chris Bonett, responsabbli mill-intern u t-trasport rispettivament.
Il-Prim Ministru qal li din il-laqgħa saret fl-interess tal-għaqda nazzjonali.
“Tkellimna mal-Kap tal-Oppożizzjoni u xtaqt nirringrazzjah talli żamm l-interess nazzjonali fuq quddiem. Ħriġna minn din il-laqgħa b’pożizzjoni li hi waħda komuni u din hi xi ħaġa li napprezza ħafna f’dan il-mument importanti, li mxejna bi spirtu ta’ għaqda nazzjonali u din jien nemmen li lil hinn minn din il-kwistjoni tawgura tajjeb ħafna u ta’ dan ukoll xtaqt nirringrazzjah.”
Il-Prim Ministru Robert Abela