Taljan ta’ 58 sena u salesman Malti ta’ 54 sena minn San Ġiljan tressqu l-Qorti wara li saru diversi rapporti lill-Pulizija minn klijenti li riedu jixtru lifts, iżda dawn qatt ma ġew installati.
Il-vittmi, li jvarjaw minn sidien ta’ djar privati sa kuntratturi li kienu ordnaw lifts għal djarhom jew blokk ta’ appartamenti, kienu kollha ta’ natura simili.
Jirriżulta li dawn l-ewwel ħallsu depożitu ta’ 30 fil-mija, imbagħad iħallsu 50 fil-mija, iżda wara li jitħallas 90 fil-mija tal-ammont finali, il-lift li kien jiġi ordnat la jitwassal u lanqas jiġi installat.
Issemma kif, f’xi każi, l-apparat tal-liftijiet kien jitwassal barra l-bieb tal-klijenti, fejn kien hemm min talab lil terzi biex jinstallaw l-apparat u ntqalilhom li l-partijiet konsenjati ma kinux tajbin għall-kejl tal-proprjetà tagħhom.
B’kollox, dawn il-persuni allegatament ġew iffrodati €380,000.
It-Taljan ġie arrestat qabel tela’ fuq titjira lejn Bergamo, l-Italja, is-Sibt waranofsinhar, u t-tnejn ġew akkużati b’ħasil ta’ flus, frodi ta’ aktar minn 11-il klijent. Il-Malti waħdu kien akkużat li ffalsifika dokumenti kummerċjali u li għamel użu malizzjuż minnhom.
Il-Malti ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €10,000, fejn anke ntalab jiffirma erba’ darbiet fil-ġimgħa u li jkun ġewwa f’ċertu ħin.
It-Taljan ġie ordnat jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa, bil-qorti timponi garanzija personali ta’ €10,000.